MEP 2024 - Nomini ta' Kandidati
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali – Ġunju 2024
Nomini ta’ Kandidati
Il-Kummissjonarji Elettorali javżaw illi huma ser jirċievu nomini ta’ kandidati onlajn għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali mill-Ħamis, 25 ta’ April fid-9.00 a.m. sat-Tnejn, 29 ta’ April, 2024, fis-7.00 p.m. (ħin ta’ Malta). Applikazzjonijiet onlajn isiru permezz tal-websajt www.electoral.gov.mt Hawnhekk tinstab għajnuna kif għandha ssir applikazzjoni onlajn. Kandidati li jagħżlu li ma’ jħallsux id-depożitu ta’ disgħin euro (€90) onlajn iridu jassiguraw illi jagħmlu dan bl-idejn sa mhux aktar tard mis-7.00 p.m tad-29 ta’ April, 2024.
Il-Kummissjonarji Elettorali javżaw ukoll illi ser jirċievu nomini ta’ kandidati fl-Uffiċċji tagħhom fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, Misraħ San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, minn nhar il-Ħamis il-25, il-Ġimgħa s-26, is-Sibt is-27, il-Ħadd it-28 u t-Tnejn id-29 ta’ April, 2024, mid-9.00 a.m. sas-1.00 p.m. u mit-3.00 p.m. sas-7.00 p.m.
Il-kandidati huma avżati li jridu jippreżentaw il-karta tal-identita’ tagħhom u li l-parti ta’ fuq tal-formola tan-nomina għandu jkollha d-dettalji tal-kandidat skont kif jidhru fir-reġistru elettorali li se jkun ippubblikat fl-20 ta’ April, 2024. F’każ li l-formola tan-nomina tiġi ppreżentata mir-rappreżentant tal-kandidat minħabba raġuni ta’ mard jew safar, ir-rappreżentant għandu jissottometti prokura mill-kandidat li tkun speċifika u awtentikata minn nutar pubbliku jew Kummissarju tal-Ġuramenti. Ma’ kull nomina għandu jsir depożitu ta’ €90.
Il-formoli ta’ applikazzjoni għan-nomini ta’ kandidati jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali mil-lum u matul il-ġranet tan-nomini fil-ħinijiet imsemmija u jistgħu jitniżżlu mill-websajt tal-Kummissjoni Elettorali.
Il-kandidati huma infurmati li t-teħid ta’ ritratti jew filmati waqt il-proċess tas-sottomissjoni tan-nomini ser ikun ristrett.
Oġġezzjonijiet għan-nomini jintlaqgħu wkoll fl-imsemmi Uffiċċju mill-Kummissjonarji, fil-ġranet u matul il-ħinijiet speċifikati għan-nomini kif ukoll nhar it-Tlieta t-30 ta’ April, 2024 fl-istess ħinijiet.
19 ta’ April, 2024