Elezzjonijiet

L-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tad-Deputati hija r-responsabbiltà unika tal-Kummissjoni Elettorali kif stabbilita bil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta f’Artiklu 60. Iż-żamma ta’ dawn l-elezzjonijiet hija regolata mill-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Is-sistema elettorali li ilha teżisti mis-sena 1921 u konfermata minn diversi kostituzzjonijiet hija dik ta’ rapprezentanza proporzjonali bil-vot singlu trasferibbli magħrufa aħjar bħala STV (single transferable vote).

Il-Ġżejjer Maltin maqsuma fuq 13-il distrett elettorali li jtellgħu 5 membri parlamentari kull wieħed. Lista tal-votanti eliġibbli biex jivvotaw tiġi stampata fil-Gazzetta tal-Gvern kull April u Ottubru fil-forma ta’ Reġistru Elettorali.  Meta tissejjaħ elezzjoni nazzjonali, permezz ta’ Writ iffirmata mill-President tar-Repubblika, jew, f’ Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali permezz ta’ Avviż mill-Kummissjoni Elettorali, jinħareġ ukoll Reġistru ieħor rivedut (rolling register) fi żmien ħamest ijiem mill-imsemmija Writ jew Avviż li fih jiġu inklużi l-persuni kwalifikati li jkunu se jagħlqu is-16-il sena sa lejlet jum il-votazzjoni. Il-Kummissjoni Elettorali tistampa d-dokumenti tal-votazzjoni fuq il-bażi ta’ dan ir-reġistru rivedut u tqassamhom lill-votanti fl-indirizzi reġistrati fuqhom.  Il-Kummissjoni Elettorali mbagħad teżegwixxi il-funzjonijiet organizzattivi u amministrattivi meħtieġa biex tiżgura li l-elezzjoni tmur sewwa u mingħajr problemi.

 

Fis-sena 1993 għaddiet liġi mill-Parlament li waqqfet 67 lokalità permezz tal-Att XV dwar il-Kunsilli Lokali. Dawn kienu 53 f’Malta u 14 f’Ghawdex. F’Diċembru tal-1999 iddaħħlet ġdida l-lokalità tal-Imtarfa permezz ta’ Att XXI li b’hekk ġabet in-numru ta’ lokalitajiet għal 68. L-ewwel elezzjonijiet saru bejn Novembru tal-1993 u Mejju tal-1994. Dawn saru wkoll fuq l-istess prinċipju tal-elezzjoni ġenerali (STV) u l-ewwel elezzjoni tal-kunsilliera tal-Imtarfa saret f’Marzu tal-2000. L-ammenda tal-1999 inkludiet ukoll Skeda ġdida ta’ għaxar lokalitajiet żgħar (hamlets). Dawn kienu Fleur-de-Lys f’Birkirkara, Santa Luċija f’Kerċem, Gwardamanġa f’Tal-Pietà, Paċeville f’San Ġiljan, Kappara f’San Ġwann, Ibraġ* u Madliena fis-Swieqi, Marsalforn fiż-Zebbug, Għawdex, Bubaqra fiż-Żurrieq u x-Xlendi fil-Munxar.

Sas-sena 2009, kull Marzu kienu jsiru elezzjonijiet f’terz tal-kunsilli (22 jew 23 lokalità), jiġifieri, il-kunsilli kellhom terminu ta’ tliet snin. Iżda fl-2004 u fl-2009, dawk l-elezzjonijiet kienu ġew posposti bi ftit sa Ġunju biex jaħbtu flimkien mal-elezzjoni għal ħames membri fil-Parlament Ewropew. Tista’ tara r-riżultati tal-Kunsilli Lokali hawn.

In-numru ta’ kunsilliera f’kull lokalità huwa determinat skont il-popolazzjoni fil-lokalità. L-inqas possibbli huma 5 u l-ogħla huma 13. Għal ħafna raġunijiet differenti, inkluż il-mewt, ammont ta’ vakanzi jinħolqu regolarment matul is-sena. Il-Kummissjoni Elettorali tieħu ħsieb tagħmel l-elezzjonijiet każwali biex jimtlew dawn is-siġġijiet battala tal-kunsilllieri u tal-kumitati amministrattivi. Meta ma jiġi elett ħadd, jew ħadd ma jitfa nomina, il-post ikun allokat bil-co-option.

Bejn l-1993 u l-2003, ċittadini Brittaniċi li ssodisfaw il-kwalifiki elettorali elenkati fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali setgħu jivvotaw u joħorġu bħala kandidati għall-kunsill tagħhom flimkien mal-votanti Maltin.  Mill-2004, dawn id-drittijiet ġew estiżi għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li kienu reġistrati bħala residenti fil-Gżejjer Maltin u kellhom karta tal-identità ta’ Malta. Hekk kif matul is-snin aktar pajjiżi jidħlu membri fl-UE, id-dritt tal-vot jingħata liċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi. L-aħħar każ kien tal-Kroazja li saret membru tal-UE f’Lulju tal-2013. Għaldaqstant persuni kkwalifikati Kroati dehru għall-ewwel darba fir-reġistru elettorali tal-kunsilli f’Ottubru tal-2013.

Aktar ammendi fil-liġi stabbilew li t-terminu tal-kunsilli għandu jiżdied minn 3 għal 4 snin. B’hekk it-terminu tal-istess kunsilli ġie estiż btali mod li nofs l-elezzjonijiet tal-kunsilli saru f’Marzu tal-2012 u n-nofs l-ieħor f’Marzu tal-2013.

L-ewwel nofs reġgħu saru fl-2015 u t-tieni nofs isiru fl-2017. Fil-fatt f’April tal-2015 saru dawn l-34 elezzjoni: Birzebbuga, Floriana, Għajnsielem, Ħad-Dingli, Ħal Għargħur, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Ħal Safi, Ħal Balzan, Ħal Qormi, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, il-birgu, il-Gżira, il-Ħamrun, il-Marsa, il-Mosta, il-Munxar, il-Qala, in-Nadur, is-Siġġiewi, is-Swieqi, ix-Xagħra, iż-Żebbuġ (Għ), iż-Żurrieq, l-Iklin, l-Isla, Marsaxlokk, Paola, San Ġiljan, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija u Ta’ Kerċem. L-Att dwar il-Kunsilli Lokali kien ammendat fl-2014 sabiex, minn Jannar tal-2015, dawk il-persuni Maltin u ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jagħlqu l-età ta’ 16-il sena jkunu inklużi bħala votanti.  Fil-fatt, għall-elezzonijiet tal-34 kunsill lokali li saru f’April 2015, żdiedu 4,485 persuna tal-età ta’ bejn is-16 u it-18-il sena.  Minn dawn, ivvotaw 62.3%. Abbozz ta’ liġi li jemmenda l-Att dwar il-Kunsilli Lokali qed jipproponi li l-elezzjonijiet tas-68 kunsilli jkunu magħquda flimkien u jsiru darba kull ħames snin, bl-ewwel darba jkun fis-sena 2019. Il-liġi relattiva tal-Kunsilli hija Cap. 363 tal-liġijiet ta’ Malta.

*L-Ibraġ  tneħħa mill-iskeda ta’ lokalitajiet żgħar permezz ta’ Avviż Legali 179 tal-2010.

Permezz ta’ Avviż Legali numru 54 tal-2010, l-Onor. Prim Ministru ħareġ regolamenti apposta biex jitwaqqfu l-Komunitajiet fi ħdan il-kunsilli lokali u għall-elezzjoni tal-ħames membri tagħhom.  L-ewwel sett tat-tmien komunitajiet diġà stabbiliti saru s-Sibt 27 ta’ Marzu, 2010. Iżda l-votazzjoni saret biss f’seba’ komunitajiet minħabba li l-ħames kandidati għal Santa Luċija f’Kerċem ġew dikjarti eletti mingħajr kontestazzjoni.  Il-votazzjoni u l-għadd tal-voti saru f’Bubaqra (iż-Żurrieq), Paċeville (San Ġiljan), il-Madliena (is-Swieqi), il-Kappara (San Ġwann), Fleur-de-Lys (Birkirkara), Marsalforn (iż-Żebbuġ) u fix-Xlendi (il-Munxar).

Avviż Legali ieħor (numru 227) fl-2010 imbagħad stabbilixxa t-tmien komunitajiet l-oħra biex saru 16 b’kollox. B’eċċezzjoni ta’ St Peter’s (Ħaż-Żabbar), fejn ħarġu biss tliet kandidati, saru l-elezzjonijiet b’suċċess fil-5 ta’ Ġunju, 2010  għal ħames  membri tas-seba’ komunitajiet ta’ Gwardamanġa (Tal-Pietà), Ħal-Farruġ (Ħal-Luqa), il-Baħrija (ir-Rabat), Tal-Virtù (ir-Rabat), is-Swatar (Birkirkara u Msida), Baħar iċ-Ċagħaq (in-Naxxar) u Burmarrad (San Pawl il-Baħar). Wara sejħa ġdida mill-Kummissjoni Elettorali għan-nomini għaż-żewġ siġġijiet fil-Kumitat ta’ St Peter’s, ħarġu eżatt żewġ kandidati u għalhekk ma kien hemmx ħtieġa ta’ votazzjoni u ġew dikjarati eletti mingħajr kontestazzjoni.  Hawnhekk jixraq li jissemma’ pass importanti li sar għall-ewwel darba, meta f’dawn l-elezzjonijiet tal-2010 ma nħarġux dokumenti tal-votazzjoni. Fil-fatt il-votanti vvotaw biss billi ppreżentaw il-karta tal-identità tagħhom, wara li d-dettalji ġew ivverifikati mal-lista tal-votanti bir-ritratt.  L-għadd tal-voti ta’ dawn il-komunitajiet sar ukoll fl-istess jum u post tal-votazzjoni, u mhux f’post ċentralizzat.

Waslet is-sena 2014 meta s-sittax-il kumitat skadielu t-terminu u għalhekk kien imiss li jsiru l-elezzjonijiet. B’avviż tal-Gvern numru 129, fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta’ Frar, 2014, ġie stabbilit is-Sibt, 24 ta’ Mejju, 2014, bħala d-data meta kellhom isiru dawn is-sittax-il elezzjoni, flimkien mal-elezzjoni għall-membri Parlamentari Ewropej.  Iżda l-votazzjoni attwali saret biss f’ħames komunitajiet għax fil-ħdax l-oħra ħarġu ħames jew anqas kandidati f’kull post.  Il-votazzjoni saret fil-Gwardamanġa, Tal-Virtù, il-Madliena, il-Kappara u fis-Swatar. L-għadd tal-voti sar fil-31 ta’ Mejju, 2014.  Ma saritx votazzjoni f’Burmarrad, Marsalforn, il-Baħrija, Santa Luċija (Għ), ix-Xlendi, Baħar iċ-Ċagħaq u St Peter’s peress li ħarġu ħames kandidati (eżatt daqs il-vakanzi) u lanqas f’Bubaqra, Paċeville, Fleur-de-Lys u Ħal Farruġ għax ħarġu inqas minn ħamsa. Għalkemm il-Kummissjoni Elettorali reġgħet ħarġet is-sejħa għan-nomini, ma kien hemm l-ebda applikazzjoni u s-siġġijiet f’Bubaqra (4), Paċeville (4), Fleur-de-Lys (4)u Ħal Farruġ (2) kellhom ikunu mimlija bil-co-option.

 

Att XVI tal-2003 ipprovda għaż-żamma tal-ewwel elezzjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropej li saret is-Sibt, 12 ta’ Ġunju, 2004.

Il-Kummissjoni Elettorali stampat Reġistru Elettorali tal-Unjoni Ewropea ġdid wara li ġibdet l-attenzjoni ta’ ċittadini tal-UE residenti f’Malta u ta’ ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiżi oħra tal-UE sabiex ikunu jistgħu japplikaw biex isimhom jidher f’dan ir-reġistru ħalli jkunu jistgħu eventwalment jivvotaw f’Malta għal (u jeleġġu) ħames Membri fil-Parlament Ewropew. Is-sistema tal-votazzjoni kienet mill-ġdid dik tal-vot singlu trasferibbli (STV) u r-regoli kienu kważi l-istess tar-regoli wżati għall-elezzjoni ġenerali. Appuntu, Artikolu 21 jgħid li t-tmexxija tal-votazzjoni u l-għadd tal-voti għandhom ikunu skont il-provvedimenti tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali. Differenza bażika hija li l-Gżejjer Maltin huma meqjusa bħala distrett elettorali wieħed.

Għall-elezzjoni ta’ Ġunju, 2004, sebgħa u għoxrin persuna kkontestaw il-ħames siġġijiet. Ħamsa minnhom ħarġu bħala kandidati indipendenti u t-22 l-oħra ħarġu taħt isem ta’ wieħed minn 7 partiti.  It-tieni elezzjoni tal-MPE saret is-Sibt 6 ta’ Ġunju, 2009, fejn ħarġu erbgħa u tletin persuna għall-ħames siġġijiet.  Ħadd ma ħareġ taħt il-bandiera indipendenti u fil-fatt il-kandidati kkontestaw taħt dawn l-ismijiet ta’ partiti jew movimenti: Alleanza Liberali (kandidat 1), Alpha Liberal Democratic Party (1), Alternattiva Demokratika – The Green Party (2), Azzjoni Nazzjonali (3), Imperium Europa (2), K.U.L. Ewropa (1), Libertas Malta (1), Partit Laburista (12), Partit Nazzjonalista (10) u Partit tal-Ajkla (1).

Il-Parlament Ewropew irratifika il-perjodu għal meta saru l-elezzjonijiet tal-2014 u dawn kellhom isiru bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju, 2014. Fil-każ ta’ Malta, l-elezzjoni saret is-Sibt, 24 ta’ Mejju, 2014.  Tnejn u tletin persuna kkontestaw sitt postijiet hekk: Ajkla (kandidat 1), Alleanza Bidla (2), Alleanza Liberali (1), Alternattiva Demokratika (2), Imperium Europa (3), Partit Laburista (12) u Partit Nazzjonalista (11).  Is-sitt kandidati li telgħu kienu tlieta mill-Partit Laburista u tlieta mill-Partit Nazzjonalista -  ir-riżultati sħaħ tista’ tarahom hawn. L-elezzjonijiet tal-MPE jerġgħu jmisshom isiru fis-sena 2024.

L-għan tal-Att dwar ir-Referenda (Cap. 237) huwa biex il-votanti reġistrati jiddeċiedu jekk japprovawx proposta jew proposti mressqa b’risoluzzjoni mgħoddija mill-Parlament, jew jekk jaqblux li xi provvediment ta’ liġi għandu jkun abrogat.

Fit-8 ta’ Marzu, 2003, l-elettorat intalab jiddeċiedi f’referendum nazzjonali dwar il-proposta li Malta ssir membru fl-Unjoni Ewropea fit-tkabbir li kien se jseħħ fl-1 ta’ Mejju tal-2004. Ir-riżultat kien li Malta kellha ssir membru b’143,094 voti favur u 123,628 voti kontra. Ara r-riżultat hawn. Qabel dan, l-aħħar referendum kien sar 39 sena ilu (fl-1964) u kien dwar il-konferma tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.  Referendum nazzjonali ieħor seħħ is-Sibt, 28 ta’ Mejju, 2011. Il-mistoqsija kienet jekk l-elettorat kienx jaqbel għad-dħul f’Malta tad-divorzju. Ir-riżultat kien ta’ 232,691 voti favur u ta’ 230,518 voti kontra, kif tista’ tara hawn.

Fil-11 ta’ April, 2015 sar l-ewwel referendum abrogattiv fil-Gżejjer Maltin dwar jekk taqbilx jew le li d-deroga mill-Unjoni Ewropea li tħalli l-kaċċa għall-gamiem u għas-summien fir-Rebbiegħa tibqax tgħodd. Ir-riżultat kien li d-deroga kellha tibqa’ fis-seħħ, b’126,434 voti favur u b’124,214 voti kontra. Għar-riżultat ara hawn.