Mistoqsijiet Komuni
Fir-Reġistru Elettorali ssib l-isem, il-kunjom, in-numru tal-Karta tal-Identità jew tar-residenza u l-indirizz ta’ dawk kollha li huma rreġistrati biex jivvutaw f’elezzjonijiet u referenda. Dan jiġi ppubblikat darbtejn f’sena fi tliet għamliet separati, f’April u f’Ottubru, sew fuq il-karta u sew fuq cd. Ir-Reġistru Elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali hu maqsum fi 13-il volum (distretti) u fih issib iċ-ċittadini Maltin li jistgħu jivvotaw f’referenda nazzjonali u biex jeleġġu l-membri tal-Kamra tad-Deputati.
Ir-Reġistru Elettorali għall-Kunsill Lokali joħroġ f’68 volum (wieħed għal kull lokalità) u fih hemm dawk il-persuni intitolati biex jivvutaw u jeleġġu lill-kunsillieri tal-lokalità tagħhom. Minbarra l-Maltin, f’dan ir-reġistru ssib ukoll dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma rreġistrati bħala residenti fil-Gżejjer Maltin.
Fl-aħħar hemm ir-Reġistru Elettorali tal-Unjoni Ewropea li fih iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhumiex Maltin u li huma rreġistrati bħala residenti fil-Gżejjer Maltin li għażlu li jivvutaw f’Malta għall-membri tal-Parlament Ewropew. Dan ir-reġistru tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-reġistru tal-Elezzjoni Ġenerali, jagħmlu l-elenku elettorali li jintitola l-votanti rreġistrati fihom biex jivvutaw f’elezzjonijiet ta’ membri tal-Parlament Ewropew.
Inti tista’ tara jekk intix votant billi tagħfas hawn. Irid ikollok in-numru tal-Karta tal-Identità (jew tal-eResidence Card), il-kunjom u d-data tat-twelid tiegħek. Ir-Reġistru Elettorali sħiħ f’forma stampata tista’ tarah fl-Uffiċċju Elettorali. Fl-Għassa distrettwali tal-Pulizija u fl-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali issib ir-Reġistru Elettorali ta’ dik il-lokalità partikolari. Wieħed jista’ jċempel fuq numru 2558 3000 lill-Uffiċċju Elettorali jew jibgħat imejl lil [email protected] biex jistaqsi. In-numru tal-Karta tal-Identità jew tar-residenza huwa meħtieġ għal dan l-iskop. Ir-reġistri jistgħu jinxtraw mingħand id-Dipartiment tal-Informazzjoni sew bħala volumi u sew fuq cd.
Għar-Reġistru Elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali jista’ japplika kull ċittadin ta’ Malta li għalaq is-16-il sena u għex f’Malta minn tal-inqas sitt xhur fl-aħħar 18-il xahar qabel ir-reġistrazzjoni. Min ikun reġistrat f’dan ir-reġistru jkun awtomatikament intitolat ukoll għall-vot fir-Referenda, fil-Kunsill Lokali u għall-vot tal-Membri Parlamentari Ewropej. Irid ikollu Karta tal-Identità Maltija.
Għar-Reġistru Elettorali tal-Kunsilli Lokali jista’ japplika kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun uffiċċjalment residenti fil-Gżejjer Maltin, u li jkollu Karta tal-Identità jew eResidence Card maħruġa Malta. L-età permessa għad-dħul f’dan ir-reġistru hija ta’ 16-il sena.
Għar-Reġistru Elettorali tal-Unjoni Ewropea jista’ japplika kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun uffiċċjalment residenti fil-Gżejjer Maltin u li jagħżel li jivvota f’Malta għall-Membri Parlamentari Ewropej. Meta jagħmel hekk, il-persuna tkun qed tirrinunzja d-dritt tagħha li tivvota fl-istess elezzjoni fil-pajjiż oriġinali tiegħu. Irid ikun għalaq is-16-il sena u jkollu Karta tal-Identità jew eResidence Card maħruġa Malta.
Tista’ tirreġistra matul is-sena kollha, iżda peress li r-Reġistru Elettorali jinħareġ kull April u Ottubru, ikun aħjar jekk tirreġistra qabel id-dati tal-għeluq, li huma l-31 ta’ Marzu u t-30 ta’ Settembru.
Peress li r-regolamenti tal-elezzjonijiet jeħtieġu li kull votant ikollu Karta tal-Identità jew tar-Residenza valida, sabiex l-Uffiċċju Elettorali jkollu r-ritratt tal-votant, għandek tapplika hekk:
Ċittadini Maltin | Identità, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda, Tel: 25904300 |
jew | |
28A, Pjazza San Frangisk, ir-Rabat, Għawdex, Tel: 21556317 | |
sit elettroniku: | https://identita.gov.mt/ |
indirizz elettroniku: | [email protected] |
Ċittadini mhux Maltin | Identità, Expatriates Unit, Castagna Building, Valley Road, Msida Tel: 25904800 |
jew | |
eResidence Cards Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, Tel: 22156121 | |
sit elettroniku: | https://identita.gov.mt/ |
indirizz elettroniku: | [email protected] |
Meta persuna tapplika jew għall-Karta tal-Identità jew għall-karta tar-Residenza, tkun qed tapplika awtomatikament biex tkun reġistrata bħala votant meta timla l-applikazzjonijiet meħtieġa.
Sakemm ikollok id-dokumenti ċċertifikati meħtieġa taċ-ċittadinanza doppja dan ma għandux jaffettwa r-reġistrazzjoni elettorali tiegħek. Iżda xorta trid tissodisfa l-kriterji l-oħra taċ-cittadinanza u tal-kwalifiki kostituzzjonali. Barraminnhekk, ir-reġistrazzjoni bħala votant mhix xi ħaġa awtomatika iżda ssir billi tapplika għaliha.
Kull persuna li għandha l-kwalifiċi tista’ tkun reġistrata bħala votant darba biss fuq r-residenza ordinarja, li hi l-post prinċipali fejn toqgħod.
Jekk dan il-votant tilef il-kwalifiki li jkun reġistrat bħala votant (bħal pereżempju emigra minn Malta aktar minn sena ilu) trid tagħmel appell quddiem Uffiċċjal Reviżur billi timla din il-formola.
Jekk il-votant mar joqgħod f’indirizz ieħor trid tagħmel appell billi timla din il-formola.
Il-formola li timla u tiffirma trid teħodha lir-Reġistratur tal-Qrati ta’ Malta, il-Belt Valletta sa mhux aktar tard mill- 15 ta’ Novembru, 2024. Dan l-appell ma jinvolvix ħlas.
Jekk għandek il-kwalifiki kollha biex tkun reġistrat bħala votant trid tagħmel appell quddiem Uffiċċjal Reviżur biex ismek u d-dettalji tiegħek jiddaħħlu fir-reġistru ta’ Ottubru, 2024. Dan tista’ tagħmlu billi, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru, 2024, tieħu din il-formola mimlija u ffirmata lir-Reġistratur tal-Qrati ta’ Malta, il-Belt Valletta.