Talba għall-Informazzjoni
'Il-Kummissjoni Elettorali qegħda tippubblika Talba għall-Informazzjoni bl-intenzjoni li twettaq riċerka fis-suq dwar suġġett partikolari. Talbiet bħal dawn m’għandhomx jitqiesu bħala xi sejħa għall-offerti u l-Kummissjoni Elettorali ma jkollha l-ebda obbligazzjoni tagħmel xi kuntratt ma’ min jissottometti l-informazzjoni mitluba.'
3/2015 - SERVIZZI TA’ AWDITJAR
Data tal-ħruġ: 05/10/2015
Data tal-għeluq: 21/10/2015
KJARIFIKI
-
Mistoqsija:
B’referenza għas-suġġett, għandkom indikazzjoni meta se ssir is-sessjoni ta’ informazzjoni mad-ditti interessati?
Risposta:
Huwa ppjanat li s-sessjoni ta’ informazzjoni ssir filgħodu ta’ nhar l-Erbgħa, 4 ta’ Novembru, 2015. Il-ħin eżatt ikun ikkomunikat lit-ditti konċernati.
-
Mistoqsija:
Tista’ tiċċara l-għala hemm żewġ dati tal-għeluq (21/10 u 12/11). Sal-21 ta’ Ottubru ikun biżżejjed li nibagħtu ittra biex nuru li aħna interessati li nipprovdu servizzi ta’ awditjar lill-Kummissjoni Elettorali? Tista’ jekk jogħġbok tibagħtilna d-dokumenti tat-tender?Tista’ tiċċara l-għala hemm żewġ dati tal-għeluq (21/10 u 12/11). Sal-21 ta’ Ottubru ikun biżżejjed li nibagħtu ittra biex nuru li aħna interessati li nipprovdu servizzi ta’ awditjar lill-Kummissjoni Elettorali? Tista’ jekk jogħġbok tibagħtilna d-dokumenti tat-tender?
Risposta:
Dawn huma d-dati tal-għeluq:
15/10/2015 – laħħar jum għall-mistoqsijiet u kjarifiki bl-imejl;
21/10/2015 - laħħar jum biex nirċievu l-Espressjoni ta’ Interess li jrid ikollha l-informazzjoni speċifikata fit-tliet rekwiżiti mniżżla fl-istess Espressjoni – dan huwa importanti ħafna;
2/11/2015 – laħħar jum biex nirċievu l-proposti finanzjarji.Se jkun hemm sessjoni ta’ informazzjoni għal dawk li jibgħatu l-Espressjoni ta’ Interess fl-04/11/2015.
F’dan l-istadju għad ma hemmx dokumenti tat-tender.
-
MIstoqsija:
Tista’ jekk jogħġbok tikkjarifika xi jfisser “proposti finanzjarji”?
Risposta:
F’dan l-istadju l-proposti finanzjarji m’humiex meħtieġa. Il-kumpaniji interessati għandhom jiffukaw fuq li jissottomettu l-Espressjoni ta’ Interess bir-rekwiżiti elenkati. L-aspett finanzjarju jkun spjegat waqt is-sessjoni ta’ informazzjoni tal-04/11/2015.
1/2015 - EVCS2015 - Electronic Vote Counting Solution
Data tal-ħruġ: 12/06/2015
Data tal-għeluq: 31/08/2015
KJARIFIKI
-
Mistoqsija:
Peress li f’Malta ser tinżamm is-sistema tal-polza tal-vot kif inhi, iżda riesqa lejn metodu tal-għadd tal-voti elettroniku, tistgħu tipprovdulna kampjuni ta’ xi poloz tal-votazzjoni ta’ kull tip ta’ elezzjoni jew referendum?
Risposta:
Ammont ta’ poloz tal-votazzjoni tal-elezzjonijiet riċenti tal-2013 (Elezzjoni Ġenerali), tal-2014 (Elezzjoni għall-Parlament Ewropew) u tal-2015 (Kunsilli Lokali) tista’ tniżżilhom billi tagħfas hawn.
-
Mistoqsija:
Il-qisien tal-polza tal-vot, ta’ 170 x 835 mm, huma regolari jew huma l-akbar possibbli li s-sistema awtomatika li se tgħodd il-voti tkun trid tiproċessa?
Risposta:
Il-qisien ikkwotati fl-RFI huma l-massimu li s-sistema tkun trid tiproċessa. Dawn il-qisien javviċinaw il-polza wżata fl-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Fil-każ tal-poloz tal-Elezzjoni Ġenerali u tal-Kunsilli Lokali t-tul ivarja iżda l-wisgħa jibqa dejjem ta’ 170 mm.
- Mistoqsija:
X’inhu maħsub li għandu jsir bil-poloz tal-vot wara li jingħaddu? Ikunu jridu jitpoġġew magħżula f’ħafna kaxex jew reċipjenti jew jitpoġġew f’pakkett wieħed kbir?
Risposta:
Huwa maħsub li la darba il-poloz tal-vot ikunu ġew skenjati u magħduda, dawn jintrefgħu f’pakketti skont in-numru oriġinali tal-kamra tal-votazzjoni.
- Mistoqsija:
Tista’ l-Kummissjoni Elettorali tibdel il-format tal-polza tal-vot?
Risposta:
Il-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex pjan li tibdel il-format tal-polza tal-vot, iżda ma tistax teskludi tibdil fil-futur.
- Mistoqsija:
Liema varjazzjoni tas-sistema tal-għadd tal-voti STV tintuża f’Malta?
Risposta:
F’Malta tintuża s-sistema Hare-Clark. Il-kwota tinħadem skont il-metodu Droop.
- Mistoqsija:
Il-poloz tal-vot għandhom xi marka identifikabbli u unika bħal ma hu xi numru jew barcode? Hemm xi liġi li teskludi li dawn isiru?
Risposta:
Le, il-poloz tal-vot ma għandhomx marki identifikabbli jew uniċi. Fil-fatt, Artiklu 49(3) ta’ Kap. 354, jgħid x’għandu jkun hemm fuq il-polza tal-vot. Ikunu jridu jsiru amendi fil-liġi preżenti biex jiddaħħlu xi marki bħal barcodes.
- Mistoqsija:
Il-poloz tal-vot ikunu mmarkati jew b’xi mod ittimbrati fil-kamra tal-votazzjoni?
Risposta:
Iva, fil-kamra tal-votazzjoni l-poloz tal-vot ikunu ttimbrati fuq in-naħa ta’ wara.
- Mistoqsija:
X’inhu l-ħin mixtieq biex isir l-għadd tal-voti b’mod elettroniku, ie., kemm ħin hu mistenni li jgħaddi mill-wasla tal-kaxex tal-vot sat-tħabbir tar-riżultati?
Risposta:
Bħalissa jieħu kważi 4 tijiem biex jinħareġ ir-riżultat finali ta’ elezzjoni nazzjonali. L-għan tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku hu li r-riżultati jkunu mxandra fl-iqsar żmien possibbli.
- Mistoqsija:
Jista’ jkun hemm qies standard tal-poloz tal-votazzjoni sabiex ikun hemm templates tal-poloz li jkopru kwantitajiet differenti ta’ kandidati jew partiti?
Risposta:
Filwaqt li l-wisgha tal-poloz huwa dejjem 170mm, t-tul ikun jiddependi fuq it-tip ta’ elezzjoni u n-numru ta’ kandidati u partiti li qed jikkontestawha. Hemm 4 tipi ta’ elezzjonijiet li jirrikjedu qisien differenti fit-tul: Poloz tar-referendum ikunu qies wieħed standard kullimkien. Il-poloz tal-vot tal-elezzjoni għall-membri parlamentari ewropew ukoll ikunu standard iżda dawn ikunu ferm viċin il-qies massimu rikjest ta’ 170mm x 385mm. Fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-kunsilli lokali ikun hemm 13 u 68 varjazzjoni fit-tul, rispettivament.
- Mistoqsija:
Ikun possibbli li jitnaqqas il-qies tal-polza tal-vot biex jakkomoda l-għadd tal-voti b’mod elettroniku u jassigura li l-istampa ta’ polza tal-vot tidher sħiħa fuq il-moniter biex tkun meqjusa għall-validità?
Risposta:
Iva, filwaqt li jista' jkun possibbli li jitnaqqas id-daqs tal-polza tal-votazzjoni dan ikun jeħtieġ xi bidliet fil-leġiżlazzjoni attwali.
- Mistoqsija:
Kemm-il elezzjoni jew tipi ta’ poloz tal-votazzjoni se jingħaddu fl-istess jum?
Risposta:
Fil-preżent elezzjoni waħda / tip ta’ polza tal-votazzjoni wieħed jingħadd fl-istess jum.
- Mistoqsija:
Issir votazzjoni għal aktar minn elezzjoni waħda fl-istess waqt? Jekk iva, il-poloz tal-vot jintefgħu kollha f’kaxxa waħda jew f’aktar?
Risposta:
Iva teżisti votazzjoni multipla f’Malta. Il-poloz jintefgħu f’kaxex separati.
- Mistoqsija:
L-RFI tesiġi li kopja Hard u kopja Soft jintbagħtu fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali. Ir-rispons huwa wkoll mistenni skont l-RFI b’mod elettroniku. Tista’ jekk jogħġbok tikkonferma jekk inkunux korretti billi nissottomettu kopja Hard (kopja waħda) tar-rispons għall-RFI fl-indirizz tal-Kummissjoni Elettorali u kopja Soft (permezz ta’ sottomissjoni elettronika) lil [email protected]?
Risposta:
Iva, huwa biżżejjed li tibagħtu s-sottomissjonijiet tagħkom bħala kopja Hard fl-indirizz tal-Kummissjoni Elettorali u kopja Soft (permezz ta’ imejl) lil [email protected].
- Mistoqsija:
Min jissottometti l-RFI mimlija huwa mistenni li jkun preżenti fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-31 ta’ Awwissu, 2015, biex jiddiskutu r-rispons?
Risposta:
Le, min jissottometti l-RFI m’għandux għalfejn ikun preżenti fil-31 ta’ Awwissu.
- Mistoqsija:
Huwa possibbli li ningħataw kampjuni veri tal-poloz tal-vot sabiex inkunu nistgħu nanalizzaw it-tip ta’ karta wżata, il-ħxuna tagħha, il-grammaġġ, eċċ?
Risposta:
Le, mhux possibli. Iżda nistgħu nagħtu din l-informazzjoni fuq il-karta li tintuża:
Il-karta tas-sigurtà hija manifatturata bil-proċess Fourdrinier cylinder mould. Il-karta hija ta’ grammaġġ ta’ 85, u tinkorpora watermark ta’ sigurtà fuq il-karta kollha u għandha fibri florexxenti viżibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.