Elezzjoni Ġenerali 2022 - Reġistru Elettorali ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern

Tags: General Election 2022, Electoral Register

STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI

REĠISTRU ELETTORALI PPUBBLIKAT FIL-GAZZETTA TAL-GVERN

Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadu kif ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta’ Frar, 2022, ir-Reġistru Elettorali rivedut li fuqu hija bbażata l-Elezzjoni Ġenerali li se ssir fis-26 ta’ Marzu, 2022.  Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354), sad-data tal-għeluq, l-20 ta’ Frar, 2022, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-artikoli  39 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali, sa nhar is-Sibt it-12 ta’ Marzu, 2022, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali.

 

Kull votant reġistrat li:-

 

  1. Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
  2. Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru;

 

jista’ wkoll, skont l-artikoli 40 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar is-Sibt, it-12 ta’ Marzu, 2022.

 

Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali.  Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali.  Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot fl-Elezzjoni Ġenerali li se ssir nhar is-Sibt is-26 ta’ Marzu, 2022.

 

Ir-Reġistru tal-Elezzjoni Ġenerali huwa disponibbli fl-Uffiċċju Elettorali.  Iżda wkoll, wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dan ir-reġistru billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħżel il-buttuna “Nista’ nivvota?”

 

25 ta’ Frar, 2022