Elezzjoni każwali għall-Membru Parlamentari fl-Għaxar Distrett Elettorali - applikazzjoni onlajn
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Elezzjoni Każwali fl-Għaxar Distrett Elettorali
Nomini ta’ Kandidati
Il-Kummissjoni Elettorali tavża illi se tibqa’ tirċievi n-nomini tal-kandidati għall-Elezzjoni Każwali fl-Għaxar Distrett Elettorali biex jimtela l-post ta’ Membru Parlamentari wara l-mewt tal-Onor. Robert Arrigo, sa nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru 2022 f’nofsinhar.
Il-kandidati jistgħu jissottomettu n-nomina tagħhom personalment fl-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar bejn id-9.00 ta’ filgħodu u nofsinhar, jew mil-lum onlajn permezz tal-link https://electoral.gov.mt/nominations mil-lum sa nofsinhar tal-Erbgħa, 26 ta’ Ottubru 2022.
Il-kandidati prospettivi huma avżati li jridu jippreżentaw il-Karta tal-Identità tagħhom. F’każ li l-formola tan-nomina se tiġi ppreżentata mir-rappreżentant tal-kandidat minħabba raġuni ta’ mard jew safar, ir-rappreżentant għandu jissottometti prokura mill-kandidat li tkun speċifika għal dan il-għan u awtentikata minn nutar pubbliku. Ma’ kull nomina għandu jsir depożitu ta’ €90.
Il-formoli tan-nomini tal-kandidati prospettivi jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali matul il-ġranet tan-nomini.
24 ta’ Ottubru 2022