MEP 2024 - tqassim ta' dokumenti għall-votazzjoni minn Uffiċjali tal-Pulizija

Tags: European Elections and Local Councils

STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI 

 

ELEZZJONIJIET GĦALL-PARLAMENT EWROPEW U GĦALL-KUNSILLI LOKALI –

8 TA’ ĠUNJU, 2024

 

Tqassim ta’ dokumenti għall-votazzjoni minn uffiċjali tal-Pulizija

Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-20 ta’ April, 2024,  suġġett għal żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Revizur, illi uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar is-Sibt, 27 ta’ April, 2024.  It-tqassim ser isir kuljum bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. u bejn it-3.00 p.m. u d-9.00 p.m., sa nhar il-Ġimgħa l-10, jew is-Sibt, il-11 ta’ Mejju, 2024, skont id-distretti elettorali.

Għaldaqstant huwa ta’ ħtieġa kbira li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.  

Waqt it-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni l-pubbliku ser jintalab jikkonferma li jkun irċieva d-dokument/i billi jiffirma fuq il-mowbajl ipprovdut mill-Uffiċjal tal-Pulizija, minflok il-ktejjeb li kien jintuża qabel.

Il-ligi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti.   Dawn se jkunu provduti b’Biljett ta’ Awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.

Id-dokumenti għall-votazzjoni għandhom jinżammu f’post fejn wieħed isibhom għax mingħajrhom ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.

 

www.electoral.gov.mt

 

 

24 ta’ April, 2024