Elezzjoni biex jinħatar Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali
AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONI BIEX JINĦATAR KUMITAT EŻEKUTTIV TAL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI
Nhar is-Sibt it-14 t’Ottubru, 2017, il-Kummissjoni Elettorali ser tmexxi elezzjoni biex ikun elett il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li jikkonsisti f’disa’ membri. Ser isiru tliet elezzjonjiet: waħda biex ikun elett president, waħda biex ikunu eletti tliet membri minn lista ġenerali u waħda biex ikun elett membru wieħed minn kull wieħed mill-ħames reġjuni kif stabbiliti fit-Tieni Skeda ta’ Avviż Legali numru 240 tal-2009.
Kull elezzjoni ssir jekk ikun hemm aktar minn nominazzjoni waħda għal-lista presidenzjali, aktar minn tliet nominazzjonijiet għal-lista ġenerali u aktar minn nominazzjoni waħda għal kull wieħed mill-ħames reġjuni ta’ Għawdex, Tramuntana, Ċentrali, Nofsinhar u Xlokk.
Jintlaqgħu nominazzjonijiet mingħand kunsilliera fil-kariga (inklużi Sindki u viċi-Sindki), fl-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, u fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, Pjazza San Franġisk, ir- Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, 27, 28 u 29 ta’ Settembru, 2017, mid-9.00 am sa nofsinhar. Kull nomina trid issir fuq il-formula skedata li tista’ tinkiseb jew mill-Uffiċċju Elettorali jew mill-Kunsill Lokali.
Kunsillier ma jistax jikkontesta f’aktar minn lista waħda. Kull nomina, li trid tkun iffirmata u ppreżenta mill-kunsillier innifsu jew, f’każ ta’ mard jew safar, minn rappreżentant awtorizzat minnu bil-miktub, għandu jkollha l-firem ta’ proponent u ta’ żewġ sekondanti. Il-proponent u ż-żewġ sekondanti jridu jkunu kunsilliera wkoll iżda filwaqt li l-proponent għandu jkun kunsillier mil-lokalita’ tal-kandidat innifsu, iż-żewġ sekondanti għandhom ikunu kunsillieri minn żewġ lokalitajiet differenti u li ma jkunux mil-lokalita’ tal-kandidat. Il-kandidat jew rappreżentant għandu jiffirma li jkun qiegħed jaċċetta n-nomina.
Jistgħu jivvutaw f’din l-elezzjoni l-kunsilliera kollha fil-kariga u għandhom jivvutaw fuq tliet poloz tal-votazzjoni, waħda għall-kandidati tal-lista presidenzjali, waħda għall-kandidati tal-lista ġenerali u oħra għall-kandidati tal-lista reġjonali konċernata. Il-votazzjoni hija bis-sistema proporzjonali bl-użu ta’ vot wieħed trasferibbli skont il-preferenzi.
Il-kunsillieri jivvotaw fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tagħhom nhar is-Sibt it-14 ta’ Ottubru, 2017, bejn it-8.00 am u l-11.00 am. Iżda dawk il-kunsilliera li jiddikjaraw bil-
miktub u bil-ġurament għand il-Kummissjoni Elettorali sa nofsinhar tal-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru, 2017, li ser ikunu msiefra fit-14 ta’ Ottubru, 2017, ikunu jistgħu jivvutaw fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, il-Belt Valletta, nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru, 2017, bejn it-8.00 am u l-11.00 am. Kull votant jippreżenta l-karta tal-identita’ tiegħu.
Il-Kummissjoni Elettorali tkun rappreżentata mis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali li għandhom jikkonsenjaw il-poloz tal-votazzjoni ssiġillati flimkien mad-dokumenti kollha tal-elezzjoni lill-Kummissjoni Elettorali fl-Uffiċċju tal-Kumitat Reġjonali rispettiv u, għar-Reġjun ta’ Għawdex fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, ir-Rabat, Għawdex, eżatt wara li jagħlaq il-ħin tal-votazzjoni fil-11.00 am tal-14 ta’ Ottubru, 2017.
www.electoral.gov.mt
18 ta’ Settembru, 2017