MEP 2024 - Ġbir ta' dokumenti ta' votazzjoni
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali – Ġunju, 2024
Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-votanti li huma rreġistrati Għawdex u jixtiequ li jiġbru d-dokument/i għall-votazzjoni tagħhom minn Malta u, viċe versa, minn votanti li huma rreġistrati Malta u jixtiequ li jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom minn Għawdex li għandhom jagħmlu t-talba bil-miktub tagħhom malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mis-6.00 p.m. tal-Ħamis, 6 ta' Ġunju, 2024.
Importanti ħafna li t-talba ssir fuq bażi personali jew permezz tal-formola onlajn li tinsab fuq l-indirizz elettroniku jew permezz ta' formola, liema formola tista' tintbagħat jew titwassal b'mod personali fl-Uffiċċju Elettorali, Eks-Trade Fair Grounds, In-Naxxar jew fl-Uffiċċju Elettorali, Pjazza San Franġisk, Ir-Rabat, Għawdex. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ħadd: bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. u mit-3.00 p.m. sas-6.00 p.m.
Id-dokumenti f’Malta jinġabru mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u dawk f’Għawdex mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ fir-Rabat, Għawdex. Id-dati tal-ġbir ikunu mill-4 sas-6 ta’ Ġunju, 2024 u dan isir personali mill-votant billi juri l-karta tal-identità jew tar-residenza tiegħu.
15 ta’ April, 2024