Reġistru Elettorali ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
REĠISTRU ELETTORALI PPUBBLIKAT FIL-GAZZETTA TAL-GVERN
Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadhom kemm ġew ippubblikati r-Reġistri Elettorali riveduti għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tat-13 ta’ April, 2019. Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354), u/jew skont l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap.363) u/jew skont l-Att dwar l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew (Kap.467), sad-data tal-għeluq, il-31 ta’ Marzu, 2019, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru rispettiv u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-artikolu 39 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, sa nhar is-Sibt l-4 ta’ Mejju, 2019, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali rispettiv.
Kull votant reġistrat li:-
Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru
jista’ wkoll, skont l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar is-Sibt l-4 ta’ Mejju, 2019.
Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u għall-Parlament Ewropew li se jsiru f’Mejju, 2019.
Ta’ min jinnota li Uffiċjal Reviżur jista’ jordna li l-isem ta’ xi persuna jiġi inkluż, jew li ssir korrezzjoni ta’ isimha, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra tagħha fir-Reġistru jew li titħassar ir-reġistrazzjoni tagħha mir-Reġistru minkejja li ma tkun saret ebda applikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni għal dak il-għan.
Min jixtieq jara r-Reġistri kollha jista’ jarahom fl-Uffiċċju Elettorali. Ir-Reġistri jkunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi. Barra minn hekk, wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?” jew il-buttuna “Fittex fir-Reġistri”.
15 ta’ April, 2019