Elezzjoni każwali għall-Membru Parlamentari Ewropew
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONI KAŻWALI GĦALL-MEMBRU PARLAMENTARI EWROPEW
Il-Kummissjoni Elettorali ġiet inkarigata mill-E.T. il-President tar-Repubblika biex tmexxi elezzjoni każwali biex timla s-siġġu mbattal fil-Parlament Ewropew mill-Onor. Therese Comodini Cachia. Dan l-Avviż (Writ) qed ikun ippubblikat fil-Gazzetta tal- Gvern tal-lum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Elettorali tavża li ser tirċevi nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali sabiex jimtela dan il-post ta’ Membru Parlamentari Ewropew.
Dawk il-kandidati li kkontestaw l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju, 2014, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mit-Tlieta 11 sas-Sibt 15 ta’ Lulju, 2017, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, bejn id-9.00 am u nofsinhar.
Formoli tan-nomina jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali. Il-Kummissjoni Elettorali tavża li l-għadd tal-voti se jsir nhar it-Tlieta, t-18 ta` Lulju, 2017, mit-8.30 am ‘l quddiem.
www.electoral.gov.mt
10 ta’ Lulju, 2017