Elezzjoni Ġenerali 2017 - Votazzjoni bikrija
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Elezzjoni Ġenerali – 3 ta’ Ġunju, 2017
Votazzjoni Bikrija
Il-Kummissjoni Elettorali tavża lil dawk il-votanti li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, illi jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, Kumpless tal-Għadd tal-Voti, fin-Naxxar jew fi 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, min-nhar it-Tnejn it-8 ta’ Mejju, 2017, biex jieħdu l-ġurament stipulat. Il-ħinijiet huma:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: mit-8.00 a.m. sas-2.00 p.m. u
mit-3.00 p.m. sat-8.00 p.m.
Sibtijiet u Ħdud: mit-8.00 a.m. sa nofsinhar
Iżda kulħadd huwa avżat illi t-terminu legali biex isiru dawn l-applikazzjonijiet bil-ġurament huwa sa’ nofsinhar tal-Ġimgħa, is-26 ta’ Mejju, 2017.
Kull applikant għandu jġib il-karta tal-Identita’ tiegħu.
B’referenza għall-Istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni maħruġa ‘llum dwar arranġamenti ta’ vjaġġar għall-votanti msefrin, il-Kummissjoni Elettorali tiċċara illi:-
Il-post fejn l-applikanti jattendu biex jirreġistraw li jixtiequ jivvotaw fis-27 ta’ Mejju huwa fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar;
Votanti li se jużaw is-servizz ta’ safar biex jiġu Malta jivvotaw fit-3 ta’ Ġunju għandhom jaċċertaw illi jkollhom id-dokument tal-vot fil-pussess tagħhom. Skont il-liġi ma jitqassmu l-ebda dokumenti tal-vot, għall-ebda raġuni, fit-2 u fit-3 ta’ Ġunju. L-aħħar jum għall-ġbir tad-dokumenti tal-vot ikun sa nofsillejl tal-Ħamis l-1 ta’ Ġunju, 2017.
www.electoral.gov.mt
4 ta’ Mejju, 2017