Elezzjoni Ġenerali 2026 - Irtirar ta’ Dokumenti għall-Votazzjoni
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONI ĠENERALI – 30 TA’ MEJJU, 2026
Irtirar ta’ Dokumenti għall-Votazzjoni
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li, l-Ħamis, it-28 ta’ Mejju, 2026, huwa l-aħħar jum li fih jista’ jsir l-irtirar tad-dokumenti għall-votazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, eks-Trade Fair Grounds, In-Naxxar u mill-Uffiċċju Elettorali, Triq Ta’ Wara s-Sur, Ir-Rabat, Għawdex, għall-votanti reġistrati f’Għawdex. Il-ħinijiet nhar il-Ħamis ser ikunu mit-8.00 am sas-1.00 pm u mit-3.00 pm sa nofsillejl. Kull persuna li trid tiġbor id-dokument għandha tmur personalment l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu d-dokument mingħand il-Kummissjonarji Elettorali. Dawn il-votanti għandhom jieħdu magħhom il-Karta tal-Identita’. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat għal dan l-iskop.
Il-Kummissjoni Elettorali qed toffri lil dawk il-morda li ma jkunux jistgħu joħorgu mill-karozza privata, faċilitajiet apposta biex ikunu jistgħu jingħatalhom id-dokument mill-Kummissjonarju, fl-istess karozza li waslithom sal-bieb tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.
Skont il-liġi ma jistgħux jiġu stampati, jitqassmu jew jinġabru dokumenti tal-vot fid-29 u fit-30 ta’ Mejju, 2026.
Mingħajr dokument għall-votazzjoni ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar jum il-votazzjoni.
28 ta’ Mejju, 2026