Elezzjoni Ġenerali 2022 - risposta dawr allegazzjonijiet
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2022
B’riferenza għall-kummenti li dehru fil-mezzi soċjali rigward persuni li jinsabu miżmuma bħala priġunieri fil-ħabs u li vvutaw meta kienu tilfu dan id-dritt minħabba li qed iservu sentenza ta’ itwal minn tnax-il xahar, il-Kummissjoni Elettorali hija fid-dmir li tinforma lill-pubbliku li:
- Ir-Reġistru Elettorali ppublikat fi Frar 2022 u li qed jintuża għall-Elezzjonijiet Ġenerali huwa sostanzjalment korrett;
- Il-votazzjonijiet bikrija huma stabbiliti fil-Liġi Elettorali;
- Il-Kummissjoni Elettorali tiddependi minn diversi sorsi biex iżżomm ir-Reġistru aġġornat, u ma tistax taqta’ votant mir-Reġistru, jew iddaħħal votanti ġodda jekk ma jkunux segwiti r-rekwiżiti u l-proċeduri stretti stabbiliti fil-Liġi Elettorali;
- Artikolu 20 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jistabilixxi li “l-Uffiċjali pubbliċi kollha fis-servizz tal-Gvern ta’ Malta u l-uffiċjali kollha ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi huma, minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, b’din il-liġi awtorizzati u fid-dmir li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija titlob sabiex hija tkun tista’ ssib jekk persuna għandhiex il-jedd li tiġi rreġistrata bħala elettur jew li tibqa’ hekk reġistrata.” Il-Kummissjoni dejjem ħadet azzjoni skont ir-rapporti li tirċievi minn dawn l-Uffiċjali Pubbliċi;
- Il-Kummissjoni Elettorali dejjem imxiet mal-liġi elettorali u dawk kollha li jidhru fir-Reġistru Elettorali huma dawk li għandhom id-dritt skont il-liġi elettorali;
- Il-Kummissjoni Elettorali ma tistax iżżomm lil xi ħadd milli jivvota jekk ismu jkun imdaħħal fir-Reġistru Elettorali, iżda dan ma jagħti ebda dritt lil persuna li tivvota meta tkun taf li ma jkollix ir-rekwiżiti li permezz tagħhom tikkwalifika biex tivvota.
Il-Kummissjoni Elettorali għalhekk tisħaq li ma tagħmilx distinzjoni bejn votanti skont it-twemmin politiku tagħhom.
20 ta’ Marzu, 2022