Elezzjoni Ġenerali 2017 - Votazzjoni bikrija
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONI ĠENERALI – 3 TA’ ĠUNJU, 2017
Votazzjoni Bikrija
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lil dawk il-votanti li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, illi għadhom jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, Kumpless tal-Għadd tal-Voti, fin-Naxxar jew fi 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, biex jieħdu l-ġurament stipulat. Il-ħinijiet huma:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: mit-8.00 a.m. sas-2.00 p.m. u
mit-3.00 p.m. sat-8.00 p.m.
Sibtijiet u Ħdud: mit-8.00 a.m. sa nofsinhar
Iżda kulħadd huwa avżat illi t-terminu legali biex isiru dawn l-applikazzjonijiet bil-ġurament huwa sa’ nofsinhar tal-Ġimgħa, is-26 ta’ Mejju, 2017.
Il-Kummissjoni tiċċara l-fatt illi votant reġistrat fuq Malta li fil-jum tal-votazzjoni ser ikun Għawdex (jew viċi versa) fit-3 ta’ Ġunju, 2017, ma jikkwalifikax għal din il-faċilita’.
www.electoral.gov.mt
15 ta’ Mejju, 2017