Elezzjoni Ġenerali 2017 - Dokumenti tal-Votazzjoni f'forma ġdida

Tags: General Election 2017

STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI

 

Elezzjoni Ġenerali – 3 ta’ Ġunju, 2017

 

Dokumenti tal-votazzjoni f’forma ġdida

Fil-ġranet li ġejjin, uffiċċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu fid-djar id-dokumenti tal-vot tal-Elezzjonijiet Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju, 2017.

Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tinforma lill-votanti li dan id-dokument magħmul minn materjal sintetiku huwa differenti minn dak li kien soltu jintuża f’elezzjonijiet tal-passat.  Fejn qabel kien ikun magħmul minn karta miksija bil-plastik, din id-darba se jkun magħmul min materjal sintetiku li minnu nnifsu huwa sigur u li ma hemmx bżonn li jkun miksi bil-plastik.  Stampa ta’ kampjun jinsab hawn mehmuż.

Dan hu dokument li kull votant għandu jieħu ħsieb li jerfgħu f’post sigur sabiex fil-jum tal-votazzjoni jkun jista’ jieħdu miegħu biex jivvota fil-post tal-votazzjoni indikat fuq id-dokument.  Ħadd ma jkun jista’ jivvota mingħajr dokument tal-votazzjoni.

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar fil-provvediment tal-liġi elettorali, illi, kull min ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument tal-vot, jew jiffalsifika, jimita jew jiddistruġġi b’qerq xi dokument tal-vot jista’ jinstab ħati ta’ reat u jeħel, meta jinstab hekk ħati, multa jew priġunerija, jew dik il-multa u l-priġunerija flimkien.

 

www.electoral.gov.mt

Specimen Voting Document

 

8 ta’ Mejju, 2017