Elezzjoni Ġenerali 2026 - Reġistru Elettorali ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
REĠISTRU ELETTORALI PPUBBLIKAT FIL-GAZZETTA TAL-GVERN
Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadu kif ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta’ Mejju, 2026, ir-Reġistru Elettorali rivedut li fuqu hija bbażata l-Elezzjoni Ġenerali li se ssir fit-30 ta’ Mejju, 2026. Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354), sad-data tal-għeluq, is-27 ta’ April, 2026, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-artikoli 39 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, sa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, 2026, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali.
Kull votant reġistrat li:-
- Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
- Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru;
jista’ wkoll, skont l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju 2026.
Madankollu, skont artikolu 42 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, l-Uffiċjali Reviżuri, mis-16 ta’ Mejju 2026 ’il quddiem għandhom jiddeferixxu sine die, it-trattazzjoni tal-applikazzjonijiet kollha pendenti. Għaldaqstant, kull min se jippreżenta xi appell quddiem l-Uffiċjal Reviżur, huwa mħeġġeġ sabiex jagħmel dan qabel is-Sibt 16 ta’ Mejju, 2026.
Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot fl-Elezzjoni Ġenerali li se ssir nhar is-Sibt it-30 ta’ Mejju, 2026.
Ir-Reġistru tal-Elezzjoni Ġenerali huwa disponibbli fl-Uffiċċju Elettorali. Iżda wkoll, wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dan ir-reġistru billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħżel il-buttuna “Nista’ nivvota?”
3 ta’ Mejju, 2026