Elezzjoni Ġenerali 2026 - Dokumenti għall-Votazzjoni Speċjali
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONI ĠENERALI – 30 TA’ MEJJU, 2026
Dokumenti għall-Votazzjoni Speċjali
Il-Kummissjoni Elettorali tavża li b’effett immedjat, il-votanti li ntilfilhom, tqattalhom jew ġratilhom ħsara sostanzjali fid-dokument għall-votazzjoni wara li rċevewh, u dawk li għalkemm isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali tal-1 ta’ Mejju, 2026, rivedut bid-deċizjonijiet tal-Uffiċjal Reviżur, ma rċevewx id-dokument għall-votazzjoni minħabba xi raġuni speċjali, inkluż dik li l-Kummissjoni ma kellhiex ir-ritratt tagħhom, li huma jistgħu jidhru personalment quddiem wieħed mill-Kummissjonarji Elettorali sabiex japplikaw għal Dokument għall-Votazzjoni Speċjali. Il-votant għandu jmur fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u jrid jippreżenta l-Karta tal-Identita’. Il-ġranet u l-ħinijiet ser ikunu kif jidher hawn taħt:
mit-Tnejn sal-Ħadd:
mit-8.00 a.m. sas-1.00 p.m. u mit-3.00 p.m. sat-8.00 p.m.
Is-Sibt it-23 ta’ Mejju, 2026:
mit-8.00 a.m. sas-1.00 p.m. u mit-3.00 p.m. sal-10.00 p.m.
Mill-Ħadd l-24 ta’ Mejju sal-Erbgħa, is-27 ta’ Mejju, 2026 (l-aħħar jum):
mit-8.00 a.m. sas-1.00 p.m. u mit-3.00 p.m. sad-9.00 p.m.
Dawk il-votanti rreġistrati fit-Tlettax-il distrett elettorali (Għawdex u Kemmuna) jistgħu jattendu fl-Uffiċċju Elettorali, Triq Ta’ Wara s-Sur, Ir-Rabat, Għawdex, fl-istess ġranet u ħinijiet.
Mingħajr id-dokument għall-votazzjoni, ħadd ma jkun jista’ jivvota.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ċempel fuq in-numru tat-telefon f’Malta 2558 3250 u f’Għawdex 2558 3220.
4 ta’ Mejju, 2026