Reġistru Elettorali ppubblikat fil-Gazetta tal-Gvern April 2016
AVVIŻ GĦALL-ISTAMPA
REĠISTRU ELETTORALI PPUBBLIKAT FIL-GAZZETTA TAL-GVERN
Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadhom kemm ġew ippubblikati r-Reġistri Elettorali riveduti għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tas-27 ta’ April, 2016. Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354), u/jew skont l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap.363) u/jew skont l-Att dwar l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew (Kap.467), sad-data tal-għeluq, l-31 ta’ Marzu, 2016, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru rispettiv u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-artikolu 39 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, sa nhar l-Erbgħa t-18 ta’ Mejju, 2016, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali rispettiv.
Kull votant reġistrat li:-
Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru;
jista’ wkoll, skont l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar l-Erbgħa t-18 ta’ Mejju, 2016.
Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot meta jsiru elezzjonijiet, kemm Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali, Kumitati Amministrativi tal-Komunitajiet, għall-Parlament Ewropew jew Referenda.
Ta’ min jinnota li Uffiċjal Reviżur jista’ jordna li l-isem ta’ xi persuna jiġi inkluż, jew li ssir korrezzjoni ta’ isimha, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra tagħha fir-Reġistru jew li titħassar ir-reġistrazzjoni tagħha mir-Reġistru minkejja li ma tkun saret ebda applikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni għal dak il-għan.
Lista tal-persuni reġistrati bħala votanti qed tkun mqegħda fl-Uffiċċji rispettivi tal-Kunsilli Lokali u fl-Għases Distrettwali tal-Pulizija. Min jixtieq jara r-Reġistri kollha jista’ jarahom fl-Uffiċċju Elettorali. Ir-Reġistri jkunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi jew fuq cd. Barra minn hekk, kulħadd jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt.
28 ta’ April, 2016