Elezzjoni Ġenerali 2022 - Tqassim ta' dok. għall-votazzjoni minn Uffiċjali tal-Pulizija
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Elezzjoni Ġenerali – 26 ta’ Marzu, 2022
Tqassim ta’ dokumenti għall-votazzjoni minn uffiċjali tal-Pulizija
Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-25 ta’ Frar, 2022, suġġett għal żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Revizur, illi uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar it-Tnejn, 28 ta’ Frar, 2022. It-tqassim ser isir kuljum bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. u bejn it-3.00 p.m. u d-9.00 p.m., sa nhar il-Ġimgħa l-11 ta’ Marzu, 2022.
Il-Kummissjoni Elettorali tavża illi d-dokumenti għall-votazzjoni ser jitqassmu biss fl-indirizz fejn il-votant huwa reġistrat. Għaldaqstant huwa importanti li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena u hija qariba jew/u toqgħod jew taħdem fl-istess indirizz hemmhekk biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.
Il-ligi Elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti. Dawn se jkunu provduti b’Biljett ta’ Awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.
Id-dokument għall-votazzjoni għandu jinzamm f’post sigur għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.
www.electoral.gov.mt
27 ta’ Frar, 2022