Spiża tar-Referendum u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2015
AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jirreferi għar-rapporti fil-midja dwar l-ispiża li saret biex isir ir-referendum nazzjonali dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa flimkien ma’ 34 elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Ir-rapporti saru wara li l-Ministru tal-Finanzi poġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati ittra dwar is-suġġett.
Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jikkjarifika li, kull meta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru flimkien ma’ elezzjoni jew referendum nazzjonali, ma jkunx possibbli li l-ispejjeż jinżammu separati. Eżempji ta’ dan il-fatt huma l-produzzjoni u t-tqassim tad-dokumenti tal-votazzjoni, is-servizzi li jagħtu l-assistenti kummissjonarji elettorali fil-postijiet tal-votazzjoni u d-diversi ħtiġijiet tat-trasport.
Huwa għalhekk ikkonfermat li l-ammont ikkwotat ta’ €4,631,688 jinkludi l-ispejjeż biex saru kemm ir-referendum kif ukoll l-34 elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Eżempji komparativi u tipiċi huma l-Elezzjonijiet Ġenerali, li saru fl-2013, u l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li saru fl-2014, fejn l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali saru flimkien mal-attivitajiet elettorali rispettivi.
www.electoral.gov.mt
23 ta’ Lulju, 2015