Liġi dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi

Tags: Press Release

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

 

Il-Kummissjoni Elettorali tikkonferma li dawn l-erba’ partiti politiċi huma rreġistrati skont il-Liġi dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi (Kap. 544): Alternattiva Demokratika, Moviment Patrijotti Maltin, Partit Demokratiku u Partit Nazzjonalista. 

 

Il-Partit Laburista kien applika fiż-żmien stipulat biex ikun irreġistrat iżda l-Kummissjoni, wara l-iskrutinju li sar skont il-liġi msemmija, sabet li parti tal-istatut kurrenti tal-istess partit ma kienx jissodisfa l-liġi.  Il-Partit Laburista kien infurmat bis-sitwazzjoni u ntalab jaderixxi mal-provvedimenti tal-liġi msemmija.  Il-Kummissjoni qed tistenna statut emendat li jikkonforma mal-liġi qabel tirreġistra l-Partit.  Kapitlu 544 tal-liġijiet ta’ Malta ma fihx provvediment għal reġistrazzjoni ta’ partit b’mod provviżorju. 

 

Ir-rapporti tad-donazzjonijiet riċevuti mill-imsemmija erba’ partiti  rreġistrati matul is-sena 2016, ġew sottomessi għand il-Kummissjoni fit-terminu stabbilit bil-liġi.  Dawn ir-rapporti jsiru pubbliċi meta l-Ministru responsabbli, b’Regolament, jistabbilixxi ż-żmien u l-format li għandhom b’hekk isiru aċċessibbli.

 

Il-Kummissjoni tgħarraf li kull meta jkun meħtieġ, toħroġ stqarrija lil pubbliku.

 

www.electoral.gov.mt