Elezzjoni biex jinħatar Kumitat Eżekutiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali - Ottubru 2021
AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
ELEZZJONI BIEX JINĦATAR KUMITAT EŻEKUTTIV TAL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI
Nhar is-Sibt id-9 t’Ottubru, 2021, il-Kummissjoni Elettorali ser tmexxi elezzjoni biex ikun elett il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li jikkonsisti fi ħdax-il membru. Ser isiru tliet elezzjonijiet: waħda biex ikun elett president tal-assoċjazzjoni, waħda biex ikunu eletti erba’ membri minn lista ġenerali u waħda biex ikun elett membru, liema membru jkun il-President tar-Reġjun wieħed minn kull wieħed mis-sitt reġjuni kif stabbiliti fir-Regolamenti dwar l-Assoċjazzjoni ta’ Awtoritajiet ta’ Gvern Lokali (Avviz Legali 363.06).
Kull elezzjoni ssir jekk ikun hemm aktar min-nominazzjoni waħda għal-lista presidenzjali, aktar minn erba’ nominazzjonijiet għal-lista ġenerali u aktar min-nominazzjoni waħda għal kull wieħed mis-sitt reġjuni ta’ Għawdex, tat-Tramuntana, tal-Lvant, tal-Punent, tal-Port u tan-Nofsinhar.
Fil-każ tal-elezzjonijiet għal President tal-Assoċjazzjoni jew tal-Lista Ġenerali jistgħu jiġu nominati Kunsilliera fil-kariga. Fil-każ tal-elezzjoni għal Presidenti tar-Reġjuni jistgħu jiġu nominati jew residenti f’lokalità li tinsab fl-istess Reġjun jew kunsilliera eletti f’xi Kunsill Lokali li jifforma parti minn dak ir-Reġjun jew President tar-Reġjun fil-kariga sad-data tal-ftuħ tan-nomini tal-elezzjoni, jiġifieri t-22 ta’ Settembru 2021.
In-nomini fil-każ tat-tliet elezzjonijiet imsemmija għandhom isiru, fil-każ tan-nomini f’Malta fl-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, u fil-każ tan-nomini f’Għawdex fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, 22, 23, u 24 ta’ Settembru, 2021, mid-9.00am sa nofsinhar. Kull nomina trid issir fuq il-formola skedata li tista’ tinkiseb jew mill-Uffiċċju Elettorali jew mill-Kunsilli Lokali.
Kandidat ma jistax jikkontesta f’aktar minn lista waħda. Kull nomina, li trid tkun iffirmata u ppreżentata mill-kandidat innifsu jew, f’każ ta’ mard jew safar, minn rappreżentant awtorizzat minnu bil-miktub, għandu jkollha l-firem ta’ proponent u ta’ żewġ sekondanti. Il-proponent u ż-żewġ sekondanti jridu jkunu kunsilliera wkoll iżda filwaqt li l-proponent għandu jkun kunsillier mill-lokalità tal-kandidat innifsu, iż-żewġ sekondanti għandhom ikunu kunsillieri minn żewġ lokalitajiet differenti u li ma jkunux mill-lokalità tal-kandidat. Il-kandidat jew rappreżentant għandu jiffirma li jkun qiegħed jaċċetta n-nomina.
Jistgħu jivvutaw f’din l-elezzjoni l-kunsilliera kollha fil-kariga u għandhom jivvutaw fuq tliet poloz tal-votazzjoni, waħda għall-kandidati tal-lista presidenzjali, waħda għall-kandidati tal-lista ġenerali u oħra għall-kandidati tal-lista reġjonali konċernata. Il-votazzjoni hija bis-sistema proporzjonali bl-użu tal-vot wieħed trasferibbli skont il-preferenzi.
Il-kunsillieri jivvotaw fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tagħhom nhar is-Sibt id-9 t’Ottubru, 2021 bejn it-8.00am u l-11.00am. Iżda dawk il-kunsilliera li jiddikjaraw bil-miktub u bil-ġurament għand il-Kummissjoni Elettorali sa nofsinhar tal-Ġimgħa 1 ta’ Ottubru, li ser ikunu msiefra jew rikoverati fi sptar, fid-9 ta’ Ottubru, ikunu jistgħu jivvutaw fil-Kumpless tal-għadd tal-Voti n-Naxxar nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru, bejn it-8.00am u l-11.00am. Kull votant irid jippreżenta l-Karta tal-Identità tiegħu.
Il-Kummissjoni Elettorali tkun rappreżentata mis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali li fil-każ tal-Kunsilli Lokali f’Malta għandhom jikkonsenjaw il-poloz tal-votazzjoni ssiġillati flimkien mad-dokumenti kollha tal-elezzjoni fil-Kumpless tal-għadd tal-Voti ġewwa n-Naxxar. Trasport ser ikun ipprovdut biex is-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali f’Malta jkunu jistgħu jwasslu d-dokumenti kollha meħtieġa fil-Kumpless tal-għadd tal-Voti.
Fir-rigward tar-Reġjun ta’ Għawdex, is-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali Għawdxin għandhom jikkonsenjaw il-poloz tal-votazzjoni ssiġillati flimkien mad-dokumenti kollha tal-elezzjoni, fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, ir-Rabat, Għawdex, eżatt wara li jagħlaq il-ħin tal-votazzjoni fil-11.00am tad-9 ta’ Ottubru 2021.
17 ta’ Settembru, 2021