Reviżjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali Ottubru 2016

Tags: Electoral Register

Stqarrija għall-Istampa

 

REVIŻJONI TAR-REĠISTRU ELETTORALI GĦALL-ELEZZJONI ĠENERALI

 

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lil kull min kien kwalifikat biex ikun reġistrat bħala votant fit-30 ta’ Settembru, 2016, dwar l-importanza li jivverifika li ismu/isimha u l-partikolaritajiet tiegħu/tagħha jidhru fir-reġistru elettorali rivedut ippublikat fit-28 ta’ Ottubru, 2016.

 

Dawk il-persuni li saru ċittadini ta’ Malta b’naturalizzazzjoni jew b’reġistrazzjoni u dawk li għandhom ċertifikat ta’ ċittadinanza doppja għandhom id-dritt ikunu reġistrati bħala votanti f’dan ir-reġistru jekk, fit-30 ta’ Settembru, 2016, kellhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354).  Għalhekk, dawn il-persuni huma mħeġġa jivverifikaw li jidhru bħala votanti fl-imsemmi reġistru.

 

Min ma ġiex inkluż f’dan ir-reġistru, avolja ma jkunx għamel applikazzjoni qabel lill-Kummissjoni Elettorali għal dan il-għan, jew li xi partikolaritajiet tiegħu kif jidhru fir-Reġistru jenħtieġu korrezzjoni, jista’ jippreżenta appell lill-Uffiċjal Reviżur sa nhar il-Ġimgħa t-18 ta’ Novembru, 2016, sabiex jitlob li ismu jiddaħħal f’dan ir-reġistru.  Kull min jixtieq jippreżenta appell jista’ jikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

 

Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tfakkar lill-pubbliku bil-faċilita’ onlajn fejn wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant fir-Reġistru Elettorali ta’ Ottubru, 2016.  Dan jista’ jsir billi tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) u tagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?” mill-għażla “Reġistri Elettorali” taħt is-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet”. 

 

 

14 ta’ Novembru, 2016