Reviżjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali April 2016
Avviż għall-Istampa
REVIŻJONI TAR-REĠISTRU ELETTORALI
GĦALL-ELEZZJONI ĠENERALI
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lil kull min kien kwalifikat biex ikun reġistrat bħala votant fil-31 ta’ Marzu, 2016, dwar l-importanza li jivverifika li ismu/isimha u l-partikolaritajiet tiegħu/tagħha jidhru fir-reġistru elettorali rivedut ippublikat fis-27 ta’ April, 2016.
Dawk il-persuni li saru ċittadini ta’ Malta b’naturalizzazzjoni jew b’reġistrazzjoni u dawk li għandhom ċertifikat ta’ ċittadinanza doppja għandhom id-dritt ikunu reġistrati bħala votanti f’dan ir-reġistru jekk, fil-31 ta’ Marzu, 2016, kellhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354). Għalhekk, dawn il-persuni huma mħeġġa jivverifikaw li jidhru bħala votanti fl-imsemmi reġistru.
Min ma ġiex inkluż f’dan ir-reġistru, avolja ma jkunx għamel applikazzjoni qabel lill-Kummissjoni Elettorali għal dan il-għan, jew li xi partikolaritajiet tiegħu kif jidhru fir-Reġistru jenħtieġu korrezzjoni, jista’ jippreżenta appell lill-Uffiċjal Reviżur sa nhar l-Erbgħa t-18 ta’ Mejju, 2016, sabiex jitlob li ismu jiddaħħal f’dan ir-reġistru. Kull min jixtieq jippreżenta appell jista’ jikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.
Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tfakkar lill-pubbliku bil-faċilita’ ġdida onlajn fejn wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant fir-Reġistru Elettorali ta’ April, 2016. Dan jista’ jsir billi tidħol fis-sit eletroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u tagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?”.
13 ta’ Mejju, 2016