Reviżjoni tar-Reġistru Elettorali April 2018

Tags: Electoral Register

STQARRJIA GĦALL-ISTAMPA

REVIŻJONI TAR-REĠISTRI ELETTORALI

Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jgħarraf illi d-data tal-għeluq għar-Reġistri Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f’April hija l-31 ta’ Marzu, 2018.

Il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’Ottubru 2017, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji. 

Huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ Ottubru 2017 huma korretti. Għandhom ukoll jaraw li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom jidhru sewwa fl-imsemmijin Reġistri. 

Il-votanti rreġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b’kull tibdil/korrezzjoni li jkunu meħtieġa.  Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identità elettronika fl-Uffiċċju tal-e-ID Cards (ċittadini Maltin) u e-Residence Cards (ċittadini tal-Unjoni Ewropea).  Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) taħt is-sezzjoni “MISTOQSIJIET”.

Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tfakkar lill-pubbliku bil-faċilità onlajn fejn wieħed jista’ jara jekk hux irreġistrat bħala votant fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat.  Dan jista’ jsir billi tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u tagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?”.

L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand Id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza, Pjan Terran, Evans Building, Misraħ Sant’Iermu, il-Belt Valletta jew eResidence Card Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, MHUX AKTAR TARD MILL-31 TA’ MARZU, 2018.

 

12 ta’ Marzu, 2018