Reviżjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali Ottubru 2015
AVVIŻ GĦALL-ISTAMPA
REVIŻJONI TAR-REĠISTRU ELETTORALI GĦALL-ELEZZJONI ĠENERALI
Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jgħarraf illi d-data tal-għeluq għar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali, rivedut, li jmissu jkun ippubblikat f’Ottubru hija t-30 ta’ Settembru, 2015.
Il-persuni kollha ta’ nazzjonalita’ Maltija li għandhom 18-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’April 2015, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji. Formoli tal-applikazzjoni jinkisbu mill-Għases tal-Pulizija, mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali, mill-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identita’ u mill-Uffiċċju Elettorali. Dawn il-formoli jistgħu jitniżżlu wkoll mill-website - www.electoral.gov.mt
Huwa fl-interess tal-votanti reġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ April 2015 huma korretti. Għandhom ukoll jaraw li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identita’ tagħhom jidhru sewwa fl-imsemmi Reġistru. Il-votanti reġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b’kull tibdil/korrezzjoni li jkunu meħtieġa.
Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identita’ elettronika fl-Uffiċċju tal-e-ID Cards, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda. Dan l-Uffiċċju jkun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.30 a.m. sas- 2.00 pm., l-Erbgħa, mit-3.00 p.m. sas-6.00 p.m., u s-Sibt, mis-7.30 a.m. sal-11.00 a.m.
L-istess faċilitajiet jingħataw fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ fi 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.
L-applikazzjonijiet kollha jistgħu jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali li qiegħed f’Evans Building, Triq il-Merkanti, l-Belt Valletta, fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, JEW jingħataw lil xi Uffiċjal tal-Pulizija f’xi waħda mill-Għases tal-Pulizija f’Malta u f’Għawdex JEW jintbagħtu lill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali bil-posta, BIEX JASLU MHUX AKTAR TARD MIT-30 TA’ SETTEMBRU, 2015.
www.electoral.gov.mt
7 ta’ Settembru, 2014