Elezzjoni Każwali għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar - nomini ta' kandidati

Tags: Local Council Casual Election

STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
 
Elezzjoni Każwali għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar
 
Nomini ta’ Kandidati
 
Il-Kummissjoni Elettorali tavża illi se tirċievi n-nomini tal-kandidati għall-Elezzjoni Każwali biex jimtela l-post ta’ Kunsillier għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar wara r-riżenja tal-Kunsillier Alfred Grima, sa nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Marzu, 2025 f’nofsinhar. 
 
Il-kandidati jistgħu jissottomettu n-nomina tagħhom  personalment fl-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar bejn l-10:00 ta’ filgħodu u nofsinhar minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Marzu sal-Erbgħa 12 ta’ Marzu, 2025, jew  onlajn permezz tal-link https://electoral.gov.mt/nominations minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Marzu fl-10:00 ta’ filgħodu sa nofsinhar l-Erbgħa, 12 ta’ Marzu, 2025.
 
Il-kandidati prospettivi huma avżati li jridu jippreżentaw il-Karta tal-Identità tagħhom. F’każ li l-formola tan-nomina se tiġi ppreżentata mir-rappreżentant tal-kandidat minħabba raġuni ta’ mard jew safar, ir-rappreżentant għandu jissottometti prokura mill-kandidat li tkun speċifika għal dan il-għan u awtentikata minn nutar pubbliku. Ma’ kull nomina għandu jsir depożitu ta’ €90.  
 
Il-formoli tan-nomini tal-kandidati prospettivi jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali matul il-ġranet tan-nomini.
 
7 ta’ Marzu, 2025