Reġistru Elettorali ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern - Ottubru 2025

Tags: Electoral Register

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

REĠISTRU ELETTORALI PPUBBLIKAT FIL-GAZZETTA TAL-GVERN

Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadhom kemm ġew ippubblikati r-Reġistri Elettorali riveduti għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tal-31 ta’ Ottubru, 2025.  Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354), u/jew skont l-Att dwar il-Gvern Lokali (Kap. 363) u/jew skont l-Att dwar l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew (Kap. 467), sad-data tal-għeluq, it-30 ta’ Settembru, 2025, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru rispettiv u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-artikolu 39 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, sa nhar il-Ġimgħa l-21 ta’ Novembru, 2025, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali rispettiv.

 

Kull votant reġistrat li:-

 

  1. Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
  2. Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru;

 

jista’ wkoll, skont l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar il-Ġimgħa l-21 ta’ Novembru, 2025.

 

Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali.  Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali.  Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot meta jsiru elezzjonijiet, kemm Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali, għall-Parlament Ewropew jew Referenda.

Ta’ min jinnota li Uffiċjal Reviżur jista’ jordna li l-isem ta’ xi persuna jiġi inkluż, jew li ssir korrezzjoni ta’ isimha, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra tagħha fir-Reġistru jew li titħassar ir-reġistrazzjoni tagħha mir-Reġistru minkejja li ma tkun saret ebda applikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni għal dak il-għan.

 

Min jixtieq jara r-Reġistri kollha jista’ jarahom fl-Uffiċċju Elettorali.  Ir-Reġistri jkunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi.  Barra minn hekk, wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?” jew il-buttuna “Fittex fir-Reġistri”.

 

4 ta’ Novembru, 2025