Elezzjoni Każwali għall-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan - nomini ta' Kandidati
STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
Elezzjoni Każwali għall-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan
Nomini ta’ Kandidati
Il-Kummissjoni Elettorali tavża illi se tirċievi n-nomini tal-kandidati għall-Elezzjoni Każwali biex jimtela l-post ta’ Kunsillier għall-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan wara d-dikjarazzjoni ta’ vakanza wara l-ħatra tal-Kunsillier Albert Buttigieg bħala Membru fil-Kamra tad-Deputati, sa nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Novembru 2022 f’nofsinhar.
Il-kandidati jistgħu jissottomettu n-nomina tagħhom personalment fl-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar bejn l-10:00 ta’ filgħodu u nofsinhar minn nhar it-Tnejn, 7 ta’ Novembru 2022 sal-Erbgħa 9 ta’ Novembru 2022, jew onlajn permezz tal-link https://electoral.gov.mt/nominations minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Novembru 2022 fl-10:00 ta’ filgħodu sa nofsinhar tal-Erbgħa, 9 ta’ Novembru 2022.
Il-kandidati prospettivi huma avżati li jridu jippreżentaw il-Karta tal-Identità tagħhom. F’każ li l-formola tan-nomina se tiġi ppreżentata mir-rappreżentant tal-kandidat minħabba raġuni ta’ mard jew safar, ir-rappreżentant għandu jissottometti prokura mill-kandidat li tkun speċifika għal dan il-għan u awtentikata minn nutar pubbliku. Ma’ kull nomina għandu jsir depożitu ta’ €90.
Il-formoli tan-nomini tal-kandidati prospettivi jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali matul il-ġranet tan-nomini.
4 ta’ Novembru 2022