Nomina ta' Kandidati 2026

ELEZZJONI ĠENERALI

Is-Sibt 30 ta’ Mejju, 2026

 

GWIDA ĠENERALI GHALL-KANDIDATI PROSPETTIVI

 

Dawn li ġejjin huma notamenti u gwida ta’ natura ġenerali dwar drittijiet u obbligazzjonijiet tal-kandidati u dwar proċeduri elettorali maħruġa MINGĦAJR PREĠUDIZZJU bħala għajnuna lill-kandidati prospettivi, indikati hawn taħt bħala “kandidat/i”.

 

Għaldaqstant, minħabba li hi l-liġi li torbot lil dak li jkun (mhux dawn in-notamenti), kull kandidat huwa mħeġġeġ ikun familjari mal-provvedimenti tal-liġijiet dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354).   

 

Dawn in-notamenti huma maħruġa fit-2 ta’ Mejju 2026 u jistgħu jinbidlu. F’dan id-dokument, kull referenza għall-maskil tapplika wkoll għall-ġeneri l-oħra.

 

1. Kull min hu interessat li jirċievi l-Avviżi għall-Istampa maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali permezz ta’ imejl għandu jagħti l-indirizz elettroniku tiegħu b’imejl lil [email protected] jew jabbona direttament fil-websajt tal-Kummissjoni Elettorali: www.electoral.gov.mt

 

2. L-applikazzjonijiet tan-nomini mingħand kandidati prospettivi jintlaqgħu mill-Kummissjoni Elettorali kuljum bejn il-Ħamis 7, il-Ġimgħa 8, is-Sibt 9, il-Ħadd 10 u t-Tnejn 11 ta’ Mejju, 2026, mid-9.00 a.m. sas-1.00 p.m. u mit-3.00 p.m. sas-7.00 p.m.

 

Kandidat jista’ wkoll japplika onlajn bil-eID tiegħu minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali www.electoral.gov.mt minn fejn isib u jsegwi l-istruzzjonijiet. Altrimenti l-kandidat għandu jattendi personalment quddiem Kummissjonarju fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, fil-ħinijiet u l-ġranet imsemmija.  Il-formoli jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali u jistgħu jinkisbu wkoll mill-websajt billi jitniżżlu mill-links rispettivi ta’ hawn taħt.

Formola tan-Nomina ta' Kandidat

Formola tan-Nomina ta' Aġent ta' Kandidat

 

3. Il-formola tal-applikazzjoni trid timtela u tiġi ffirmata mill-kandidat. Jekk il-kandidat ikun imsiefer jew marid, il-formola tan-nomina jista’ jiffirmaha u jippreżentaha  rappreżentant  leġittimu  tiegħu  u  f’dan  il-każ  għandha  tkun  ippreżentata 

prokura  magħha  espressament  għal  dan il-għan u li tkun iffirmata  minn  nutar  pubbliku 

jew  kummissarju  għall-ġuramenti. L-applikazzjoni trid  tiġi  ffirmata  wkoll  minn  erba’ (4)  votanti reġistrati fid-Distrett li l-Kandidat ikun se joħroġ fir-Reġistru Elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali ppubblikat fl-1 ta’ Mejju, 2026. Huwa obbligu tal-kandidat li jiżgura li l-formola tkun mimlija u ffirmata b’mod korrett skont il-liġi. 

 

4. Fuq l-applikazzjoni, il-kandidat irid iniżżel l-isem u l-kunjom, in-numru tal-Karta tal-Identità u  l-indirizz skont kif jidher fuq ir-reġistru msemmi f’para. 3 u x’jagħmel bħala xogħol.

 

5. Il-kandidat  jista’  jniżżel xi indikazzjonijiet oħra li jixtieq u li jkunu approvati mill-Kummissjoni Elettorali,  sabiex  jgħinu lill-votanti jidentifikawh u jiddistingwuh minn kandidati oħra (eż. Laqam).

 

6.  Jekk kandidat ikun ser jikkontesta fl-interessi ta’ xi partit politiku rreġistrat mal-Kummissjoni Elettorali, hu għandu  jindika l-isem tal-Partit, fil-post adattat fuq  l-applikazzjoni. L-Uffiċjal li jinnomina maħtur mill-Partit għandu jinforma bil-miktub lill-Kummissjoni Elettorali bl-ismijiet tal-kandidati approvati tiegħu sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju, 2026.

 

7. Irid isir depożitu ta’ disgħin ewro (€90) minn kull kandidat man-nomina tiegħu.  Dan id-depożitu jingħata lura lill-kandidat jekk huwa jiġi elett jew jekk iġib aktar minn 1/10 tal-voti mitfugħa diviż bin-numru ta’ membri li jridu jiġu eletti (5). 

 

Eżempju:   

Voti mitfugħa :       21,542  ¸ 10  =  2,154.2

                                       21,542.2 ¸ 5  =  430 (431)

 

8.   Kandidat li jkun ser jikkontesta bħala indipendenti  jista’ sas-Sibt id-9 ta’ Mejju, 2026, jissottometti lill-Kummissjoni Elettorali listi separati ta’ persuni  biex iservu ta’:

 

  1. Assistenti Kummissjonarji (Trid tiġi ppreżentata mal-lista applikazzjoni għal kull persuna nominata.  Din l-applikazzjoni trid tiġi ffirmata mill-persuna proposta).           

 

  1. Persuni li jgħoddu  (Trid tiġi ppreżentata mal-lista applikazzjoni għal kull persuna proposta.  Din l-applikazzjoni trid tiġi ffirmata mill-persuna proposta).

 

  1. Aġenti tal-Partit.

 

  1. Aġent Distrettwali.

 

  1. Aġent tal-Kandidat (sal-11 ta’ Mejju, 2026). 

Il-Partiti Politiċi rreġistrati huma wkoll obbligati li jippreżentaw dawn il-listi u applikazzjonijiet fid-dati indikati.

 

9. Jistgħu jiġu sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali listi bl-ismijiet u n-numri tal-karta tal-Identita’ ta’ persuni li ser iservu bħala: Aġenti tal-Għadd, Aġenti għat-Trasport u Aġenti Konsenjatarji sad-9 ta’ Mejju, 2026.

 

10.  Kandidat  jista’  jirtira n-nomina tiegħu bejn il-Ħamis 7 u t-Tlieta 12 ta’ Mejju, 2026, fl-istess ħinijiet stabbiliti għan-nominazzjonijiet ta’ kandidati.  Jekk kandidat indipendenti jirtira n-nomina tiegħu, ma jibqax intitolat biex jinnomina persuni biex iservu bħala uffiċjali kif spjegat f’paragrafi 8 u 9.  Oġġezzjonijiet għan-nomini ta’ kandidati jistgħu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali bejn il-Ħamis 7 u t-Tlieta 12 ta’ Mejju, 2026.

 

11. Kull kandidat għandu jiżgura li ismu jkun inkluż fil-lista ta’ kandidati li jkunu ser jikkontestaw meta din tiġi ppubblikata  fil-Gazzetta tal-Gvern.   Skont il-liġi ebda persuna li isimha ma jkunx ġie inkluż  fil-lista ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ma tista’ tiġi eletta bħala Membru tal-Parlament Malti.

 

12. Il-kandidati jew il-partit li miegħu jkunu ser jikkontestaw jistgħu, sa nofsinhar tat-Tnejn, 11 ta’ Mejju, 2026,  jissupplixxu ‘artwork’ ta’ badge jew distintiv approvat mill-Kummissjoni Elettorali biex jiġi stampat ma’ ġenb l-isem tal-kandidat fuq il-polza tal-votazzjoni.  Il-‘badge’ jew distintiv għandu jkun ċar u jinqara u jiċċekken għad-daqs ta’ 17mm x 19mm biex ikun jista’ jidher fuq il-polza tal-votazzjoni. Dan jista’ jintbagħat ukoll fuq e-mail: [email protected]

 

13.   Il-Kummissjoni Elettorali tilqa’ ritratti tal-kandidati biex ikunu murija fuq posters fil-kmamar tal-votazzjoni.  Dawn ir-ritratti għandhom ikunu f’format diġitali (eż. PDF), mingħajr ma jkunu mmontati u mingħajr gwarniċ.  Kull ritratt diġitali jista’ jkun bil-kulur fuq sfond abjad.  Il-kandidati li ħerġin ma’ partit politiku rreġistrat li ġie assenjat kulur mill-Kummissjoni Elettorali għandu jkollhom l-isfond tar-ritratti bl-istess kulur assenjat.  Fuq in-naħa t’isfel għandu jkun hemm l-isem u l-kunjom tal-kandidat b’tipi suwed u, jekk ikun il-każ, l-arma tiegħu jew tal-partit li qed jikkontesta miegħu.  Ir-ritratti jridu jaslu għand il-Kummissjoni Elettorali bl-imejl [email protected] sat-Tnejn, il-11 ta’ Mejju, 2026.

 

14.  Il-kandidati għandhom ukoll jipprovdu ritratt f’format diġitali (eż. JPEG) ta’ wiċċhom sabiex jidher ħdejn isimhom fuq il-polza tal-vot.  Dan irid ikun iswed fuq sfond abjad b’dawn ir-rekwiżiti 35mm x 45mm, 150 dpi grey scale, 206 px wiesgħa u 265 px għoli.  Dan irid jasal għand il-Kummissjoni Elettorali sal-11 ta’ Mejju, 2026.  F’każ ta’ nuqqas il-Kummissjoni Elettorali hija obbligata bil-liġi tuża r-ritratti tal-Karta tal-Identità.

 

15.  Kemm il-kandidat kif ukoll il-persuni maħtura f’ismu biex iservu fid-diversi karigi msemmija aktar qabel, jiġu provduti b’identification tag mill-Kummisjoni Elettorali. Il-kandidati u dawn il-persuni għandhom jilbsu t-tags kontinwament waqt id-diversi proċessi tal-elezzjoni.

 

16. Il-kandidati jkunu jistgħu jassistu għall-issiġillar tal-kaxex tal-voti qabel il-ftuħ tal-votazzjoni, waqt l-għeluq tal-votazzjoni, waqt l-għadd tal-voti kif ukoll waqt proċessi elettorali skont kif tistabbilixxi l-liġi u l-Kummissjoni Elettorali. 

 

17. Il-kandidati eletti għandhom jissottomettu, lill-Kummissjoni Elettorali r-rapport tagħhom ġuramentat tal-ispejjeż/dħul elettorali fuq Formola GE 50 fi żmien għaxart ijiem minn meta ġew dikjarati eletti (MHUX mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat uffiċjali fil-Gazzetta tal-Gvern).  Il-kandidati mhux eletti għandhom ċans jissottomettu dan ir-rapport sa 31 jum mill-ħruġ tar-riżultat fil-Gazzetta tal-Gvern.   Kandidat ma jistax jonfoq aktar minn għoxrin elf euro (€20,000) f’kull distrett elettorali li qiegħed jikkontesta fih fil-kampanja elettorali tiegħu. Il-Kummissjoni Elettorali tieħu ħsieb tibgħat il-formola bil-posta reġistrata fuq l-indirizz reġistrat tal-kandidat iżda f’każ li għal xi raġuni ma tasallux, ir-responsabbilità li jissottometti l-imsemmi rapport xorta tibqa’ fuq il-kandidat. Min jonqos li jissottometti dan ir-rapport ġuramentat, jew jissottomettih tard ikun qed jikser il-liġi.