Kumitat ta’ Esperti fuq L-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini

Tags: Electoral Office, News

Kumitat ta’ Esperti fuq L-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini – laqgħa ta’ aġġornament 22 ta’ Novembru 2016

Il-grupp tal-esperti fuq l-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini (IEĊ) iltaqa’ fiċ-Ċentru Albert Borschette fi Brussell, nhar it-22 ta’ Novembru, 2016.  Attendew għal-laqgħa rappreżentanti ta’ ħmistax-il pajjiż Membru, kif ukoll osservaturi u rappreżentanti minn kumpaniji privati.  Is-Sa. Carmen Preising, li mexxiet il-konferenza, ħabbret fost affarijiet oħra, fl-introduzzjoni tagħha, li din l-Inizjattiva ngħatat baġit għall-ewwel darba mill-Unjoni Ewropea, u dan se jkun ta’ 840,000 ewro għas-sena 2017.

L-aġenda ttrattat l-aħħar żviluppi dwar l-IEĊ, is-sentenzi riċenti tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibilità ta’ inizjattivi proposti, u tat ħarsa in ġenerali tal-IEĊ.  L-aħħar punt fuq l-aġenda kien jikkonsisti fi preżentazzjoni dwar xi studji li l-Kummissjoni Ewropea trid tagħmel fuq is-suġġett.  Dawn huma tlieta: (a) Studju dwar ir-rekwiżiti tad-data għall-IEĊ; (b) Studju dwar l-użu tal-identifikazzjoni elettronika (eID) għall-IEĊ; u (ċ) Studju dwar titjib fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi onlajn tal-ġbir tad-data.

Kull waħda mit-tliet kumpaniji kuntrattati ppreżentaw il-metodu kif se jmexxu l-istudji.  Kull studju ser jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ kwestjonarji u workshops fix-xhur li ġejjin.

Għal Malta ħadu sehem fil-konferenza s-Sur George Saliba, Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali,  u s-Sur Michael R. Borg, mis-sezzjoni tal-I.T. tal-istess Kummissjoni.