L-irtirar ta' Joe Calleja, Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali

Tags: News

Fl-1 ta’ Lulju, 2015, sar festin fl-Uffiċċju Elettorali fil-Belt Valletta, ad unur tas-Sur Joe Calleja, li rtira mis-servizz bħala Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali.  Is-Sur Calleja kien ilu jaħdem fis-Servizz Pubbliku għal aktar minn 50 sena u daħal fl-Uffiċċju Elettorali fil-bidu tas-snin tmenin.  Kien ilu Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali għal dawn l-aħħar 23 sena.  Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali, is-Sur Joseph Church, filwaqt li rringrazzjah għas-servizz tajjeb li ta, awguralu żmien twil u mimli saħħa ta’ rtirar.  Fil-preżenza tal-Kummissjonarji Elettorali kollha, tal-membri tal-istaff tal-Uffiċċju Elettorali u xi mistednin oħra, is-Sur Church ippreżenta lis-Sur Calleja rigal ta’ tifkira.  Kif inhu magħruf li jagħmel is-soltu, is-Sur Calleja wieġeb b’mod qasir imma preċiż, meta qal li apprezza mhux biss din il-ġabra sabiħa ta’ nies biex jawgurawlu iżda apprezza wkoll il-koperazzjoni li esperjenza fl-Uffiċċju Elettorali, sew mill-istaff u sew mill-membri tal-Kummissjoni Elettorali, dawk preżenti u anke dawk tal-passat.