Kumitat Ad hoc ta’ Esperti fuq Standards Legali, Amministrattivi u Tekniċi għal votazzjoni diġitali (CAHVE)

Tags: News, Electoral Office

Kumitat Ad hoc ta’ Esperti fuq Standards Legali, Amministrattivi u Tekniċi għal votazzjoni diġitali (CAHVE) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa – aġġornament ta’ Recommendation Rec(2004)11

Il-Kumitat Ad hoc ta’ Esperti fuq l-istandards legali, amministrattivi u tekniċi għall-votazzjoni diġitali (CAHVE) kien appuntat mill-Kumitat ta’ Ministri fil-Kunsill tal-Ewropa. Taħt l-awtorità diretta tal-Kumitat ta’ Ministri, il-Kumitat Ad hoc kien mitlub li jipprepara abbozz għall-rakkomandazzjoni biex jaġġorna Recommendation Rec(2004)11 fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi u legali reċenti fuq e-enabled elections fl-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Kumitat hu ffurmat minn rappreżentanti governattivi minn entitajiet tal-immaniġġjar tal-elezzjonijiet b’esperjenza diretta jew għandhom għarfien speċjalizzat fuq votazzjoni diġitali. Malta hija rappreżentata mill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali u mis-sezzjoni tal-IT fl-Uffiċċju Elettorali.

F’April 2015, is-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ewropa ħatar lis-Sa Ardita Driza-Maurer, espert fuq id-drittijet politiċi u teknoloġiji ġodda rigward il-vot. Fil-passat, kienet involuta fil-laqgħat reviżorji bjennali tar-Rec(2004)11, bħala l-espert ewlieni u ingħatat il-kompitu biex tipprepara abbozz kif se jiġi aġġornat ir-Recommendation. L-aġġornament kien maqsum f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, il-CAHVE kien mitlub biex jiddeċiedi kwistonijiet ta’ ambitu u l-format aġġornat tar-Recommendation. Fit-tieni fażi, ġaladarba jkun hemm deċiżjoni fuq dawn l-aspetti, il-kumitat Ad hoc jista’ jmur għall-aġġornament proprju.

Ġiet miżmuma laqgħa plenarja bejn is-27 u t-28 t’Ottubru, 2015, fil-Kunsill tal-Ewropa, Binja Agora ġo Strasbourg, fejn attendew 48 membru. L-aġenda tal-laqgħa inkludiet l-elezzjoni għal Chair u Viċi-Chair, preżentazzjoni mis-Segretarjat fuq it-termini ta’ referenza tal-CAHVE, l-aġġornament tar-Recommendation Rec(2004)11 u l-adozzjoni ta’ verżjoni mqassra tar-rapport tal-laqgħa.

Wara tmiem il-laqgħa ta’ jumejn, il-VERŻJONI MQASSRA TAR-RAPPORT TAL-LAQGĦA kien preżentat lill-membri preżenti fejn kien unanimament approvat. Ardita Driza-Maurer ġiet inkarigata biex tipproċedi għat-tieni fażi ta’ din l-inizzjattiva.

 

www.electoral.gov.mt

 

04 ta’ Novembru, 2015