Il-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u għall-Parlament Ewropew

 

1. Sabiex persuna tkun eleġibbli biex tivvota f’dawn l-elezzjonijiet, irid ikollha dokument ta’ identifikazzjoni validu maħruġ mill-Aġenzija Identity Malta. F’każ ta’ ċittadin Malti, persuna trid tapplika għall-Karta tal-Identità fl-Uffiċċju ta’ Identity Malta, f’Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda, Malta jew fi Triq ta' Wara s-Sur, ir-Rabat, Għawdex.

F’każ ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li mhux ċittadin Malti, persuna trid tapplika għall-Karta ta’ Residenza fl-Uffiċċju ta’ Identity Malta, Unit tal-Espatrijati, Triq il-Wied, L-Imsida.

Sabiex persuna tkun irreġistrata bħala votant, trid tkun għalqet is-16-il sena sa jum qabel l- elezzjoni u jrid ikollha l-kwalifiki neċessarji skont ma titlob il-liġi.

 

2. Meta persuna tapplika għal dokument ta’ identifikazzjoni, se tingħata formola sabiex tiġi rreġistrata bħala votant fir-Reġistru Elettorali tal-Kunsilli Lokali u se tintalab tagħżel jekk tixtieqx tkun irreġistrata fir-Reġistru Elettorali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex persuna tivvota fl-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew f’Malta, trid timla Sezzjoni Ċ1 fil-formola jew f’xi stat membru tal-Unjoni Ewropea trid timla Sezzjoni Ċ2.

Sabiex ma jkunx hemm votazzjoni doppja, il-Kummissjoni Elettorali ta’ Malta se tkun qed tgħarraf lill-Awtorità Elettorali tal-pajjiż ikkonċernat bl-għażla li l-persuna se tkun qed tivvota għall-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni f’Malta.

Dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jixtiequ jivvutaw fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’pajjiżhom waqt li qed joqogħdu f’Malta huma ġentilment mitluba jikkuntattjaw l-Awtorità Elettorali fil-pajjiż tagħhom.

 

3. F’każ ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li mhux ċittadin Malti, li l-ewwel iddeċieda li jivvota f’pajjiżu, li huwa stat membru tal-Unjoni Ewropea wkoll, iżda issa jixtieq li jivvota f’Malta (għall-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni f’Malta), ikun irid jimla din il-formola mill-ġdid. Din il-formola titniżżel minn hawn. Din il-formola tkun trid timtela u tintbagħat bil-posta, lill-Kummissjoni Elettorali f’Ex. Trade Fair Grounds, In-Naxxar, mingħajr il-ħtieġa li titwaħħal bolla. Il-persuna tkun tista’ toħodha wkoll personalment fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali jew fi kwalunkwe Għassa tal-Pulizija tal-lokal, sabiex tintbagħat lill-Kummissjoni Elettorali.

 

4. Meta wieħed japplika għall-Karta tal-Identità, fl-istess waqt, l-Uffiċċju Elettorali jkun qed jirċievi l-formoli tal-applikazzjonijiet relevanti. Kull talba li jirċievi l-Uffiċċju Elettorali għal żieda, tibdil jew tħassir fil-partikolaritajiet  ta’ elettur tiġi riflessa fir-Reġistru li jkun imissu jiġi ppubblikat.

 

5. L-Elettur jiġi rreġistrat darba biss fl-indirizz u l-lokalità fejn is-soltu jgħammar. Persuna tista’ tiċċekkja jekk hix reġistrata billi tidħol hawn. Ir-Reġistri Elettorali riveduti jiġu ppubblikati darbtejn f’sena f’April u f’Ottubru.

 

6. Persuna tista’ tressaq appell quddiem l-Uffiċjal Reviżur, kemm għaliha u kemm għal ħaddieħor, jekk trid tħassar ir-reġistrazzjoni ta’ elettur li tilef waħda jew aktar mill-kwalifiki meħtieġa jew bdil f’waħda mill-partikolaritajiet.

 

7. L-appell għal dawk l-eletturi rreġistrati f’Malta, għandu jiġi sottomess lill-Uffiċċju tar-Reġistratur tal- Qrati, Il-Belt Valletta, filwaqt li għal dawk irreġistrati f’Għawdex, l-appell għandu jiġi sottomess lill-Uffiċċju tar-Reġistratur tal-Qrati, Ir-Rabat, Għawdex, fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni tar-Reġistru. M’hemm l-ebda ħlas għal dawn l-appelli.

 

8. Fl-ewwel fażi tat-tqassim tad-Dokumenti għall-Votazzjoni, dawk intitolati għall-vot, jitwasslilhom id-Dokument għall-Votazzjoni, minn Uffiċjal tal-Pulizija jew minn persuni awtorizzati mill-Kummissjoni Elettorali fl-indirizz fejn huma rreġistrati. Kull dokument li jinġabar irid ikun hemm firma għalih, jew mill-persuna li d-dokument hu indirizzat għaliha, jew minn xi adult responsabbli ieħor li, joqgħod fl- istess indirizz, jew qiegħda fis-servizz tagħha.

 

9. Jekk ma jkun hemm ħadd id-dar, meta jiġi l-Uffiċjal tal-Pulizija, persuna tista’ tiġbor id-Dokument għall-Votazzjoni, billi tmur l-Għassa tal-Pulizija (jew fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali f’ċerti lokalitajiet) tal-belt jew raħal fejn hi rreġistrata bħala elettur. Wara li jintemm it-tqassim fid-djar, id-Dokument għall-Votazzjoni jinġabar biss mill-elettur innifsu, billi tintwera l-Karta tal-Identità valida. Ħadd ma jista’ jiġbor Dokument għall-Votazzjoni f’isem ħaddieħor f’dan il-perjodu.

 

10. Wara li jintemm it-tqassim fl-Għases/Kunsilli Lokali, persuna tista’ tiġbor personalment id-Dokument għall-Votazzjoni tagħha mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, jekk hi rreġistrata f’Malta, filwaqt li, jekk hi rreġistrata f’Għawdex, id-Dokument jista’ jinġabar mill-Uffiċċju Elettorali fir-Rabat, Għawdex. Tkun trid tippreżenta Karta tal-Identità valida.

 

11. Il-linji gwida għall-kandidati prospettivi jinħarġu meta titħabbar id-data tal-elezzjoni.

 

12. F’jum il-votazzjoni, sabiex persuna tivvota, tkun trid tippreżenta d-Dokument għall-Votazzjoni tagħha lill-Assistenti Kummissjonarji Elettorali fil-Post tal-Votazzjoni indikat fuq id-Dokument. Il-postijiet tal-votazzjoni jkunu miftuħin bejn is-7.00 ta’ filgħodu u l-10.00 ta’ billejl. Ħadd ma jitħalla jivvota mingħajr id-Dokument għall-Votazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali.

 

13. Il-votazzjoni f’Malta mhix obbligatorja.

 

14. Malta tuża s-sistema ta’ Single-Transferable Vote (STV). Is-sistema STV hija sistema ta’ votazzjoni maħsuba biex tagħti riżultat b’rappreżentanza proporzjonata. Il-vot huwa wieħed trasferibbli. Persuna għandha tivvota, billi tpoġġi n-numru ‘1’ ħdejn isem il-kandidat li tixtieq tara elett l-ewwel wieħed. Mitluba (u tajjeb tagħmlu) tikteb in-numru ‘2’ ħdejn l-isem tal-kandidat tat-tieni għażla tagħha  u tibqa’ sejra hekk sakemm ma tkunx tixtieqx tivvota għal aktar kandidati.