Dokument/i tal-votazzjoni ta' pazjenti fl-isptarijiet
AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
REFERENDUM NAZZJONALI U ELEZZJONIJIET TAL-KUNSILLI LOKALI – APRIL, 2015
Il-Kummissjoni Elettorali tappella lill-qraba tal-votanti li jinsabu rikoverati fl-isptarijiet Mater Dei, Karen Grech, Monte Karmeli u fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex (li kienu hemm reġistrati bħala pazjenti sas-6.00 pm tat-Tnejn 6 ta’ April) biex, jekk għad għandom id-dokumenti tal-vot tal-pazjent, dawn għandhom immedjatament jikkonsenjaw dan id-dokument jew dokumenti lill-pazjent biex ikun jista’ jivvota fl-isptar fejn hu rikoverat il-Ħamis, 9 ta’ April.
Min iżomm dokument tal-vot ta’ ħaddieħor ikun qiegħed effettivament iċaħħadlu d-dritt tal-vot u dan hu kontra l-liġi, li tgħid li min “ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument għall-votazzjoni..... hu ħati ta’ reat u jeħel, meta jinsab hekk ħati, multa ta’ mhux iżjed minn €1,164.69 jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sitt xhur, jew dik il-multa u priġunerija flimkien” (Art. 112, Kap. 354). Il-Kummissjoni Elettorali tavża li meta jinqala’ każ bħal dan, tiddaħħal l-Awtorita’ tal-Pulizija.
8 ta’ April, 2015