il-Ħamis, id-9 ta' April, huwa l-aħħar jum biex tiġbor id-dokument tal-votazzjoni
AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI
REFERENDUM NAZZJONALI U TAL-KUNSILLI LOKALI – APRIL 2015
Irtirar ta’ Dokumenti għall-Votazzjoni
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li, l-Ħamis, id-9 ta’ April, 2015, huwa l-aħħar jum li fih jista’ jsir l-irtirar tad-dokumenti għall-votazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar (Ex-Trade Fair Grounds, faċċata tal-grawnd tal-futbol) u mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, għall-votanti reġistrati f’Għawdex. Il-ħinijiet nhar il-Ħamis ser ikunu mit-8.00 am sas-2.00 pm u mit-3.00 pm sa nofsillejl. Kull persuna li trid tiġbor id-dokument għandha tmur personalment l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu d-dokument mingħand il-Kummissjonarji Elettorali. Dawn il-votanti għandhom jieħdu magħhom il-Karta tal-Identita’ jew id-Dokument tar-Residenza. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat għal dan l-iskop.
Il-Kummissjoni Elettorali qed toffri lil dawk il-morda li ma jkunux jistgħu joħorgu mill-karozza privata li twassalhom sal-bieb tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, faċilitajiet apposta biex ikunu jistgħu jingħatalhom id-dokument mill-Kummissjonarju.
Mingħajr dokument għall-votazzjoni ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar jum il-votazzjoni.
8 ta’ April, 2015