Il-Kummissjoni Elettorali
Il-Kummissjoni Elettorali hi maħtura skont l-artiklu 60 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-membri tagħha huma appuntati mill-President fuq il-parir tal-Prim Ministru, wara li jkun ikkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Kummissjoni hija awtonoma u fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, mogħtija lilha mill-Kostituzzjoni, mhix suġġetta għal direzzjoni jew kontroll minn xi persuna jew awtorità oħra.
-

Is-Sur Joseph Camilleri ingħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-1 ta 'Lulju 1977. Mill-1977 sal-1996 ħadem f’diversi pożizzjonijiet fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, prinċipalment fid-diviżjoni tal-benefiċċji kontributorji. Mill-1996 sa l-2003, is-Sur Camilleri kellu l-kariga ta' Assistent Direttur (Benefiċċji Kontributorji). Matul l-istess perjodu huwa kien iwettaq ukoll id-dmirijiet ta 'Aġent Direttur (Sigurtà Soċjali) fin-nuqqas tad-direttur ta’ dak iż-żmien.
F'Jannar 2004 ġie maħtur designate Direttur (Servizzi Korporattivi) fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u Direttur (Servizzi Korporattivi) fid-29 ta' April 2004. Seba' xhur wara, għamel pass laterali fil-kariga ta' Direttur (Sigurtà Soċjali) filwaqt li kompla wkoll jaqdi d-dmirijiet ta’ Direttur (Servizzi Korporattivi) sal-ħatra ta' direttur ġdid (Servizzi Korporattivi). F'Marzu 2007 inħatar Direttur Ġenerali (Sigurtà Soċjali).
- F’Marzu 2013 is-Sur Camilleri ġie maħtur Segretarju Permanenti responsabbli għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.
- F’Ġunju 2017, is-Sur Camilleri ġie maħtur Segretarju Permanenti-Amministrazzjoni, responsabbli mill-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
- F’Jannar 2019, is-Sur Camilleri inħatar Segretarju Permanenti responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Is-Sur Camilleri huwa wkoll Chairperson tal-Kumitat dwar Re-instatement u Re-employment ta’ Uffiċjali Pubbliċi. Huwa ukoll membru tas-Senior Appointments Advisory Committee u sa Jannar tal-2019 Chairperson tal-Low Wage Commission.F’Ġunju 2020, wara qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, is-Sur Camilleri inħatar bħala Kummissarju Elettorali Prinċipali ‘designate’. Sussegwentament fis-27 ta’ Lulju 2020 huwa ħa l-ġurament bħala Kummissjonarju Elettorali Prinċipali.
-
Is-Sa Melanie Azzopardi
-
Dott. Veronique Dalli
-
Is-Sur Richard Dimech twieled il-Marsa, fid-19 ta’ Lulju 1958. Hu miżżewweġ lil Maria u għandhom żewġt itfal. Is-Sur Dimech attenda l-Iskola Sekondarja, Post-Sekondarja u kompla l-edukazzjoni tiegħu sal-Livell Terzjarju.
F’Lulju tal-1976 beda jaħdem mal-Bank of Valletta plc, u baqa’ jaħdem mal-istess bank sakemm irtira f’Novembru tal-2016 wara 40 sena karriera ta’ suċċess. Matul il-karriera bankarja tiegħu huwa kompla l-istudji tiegħu sakemm kiseb The Certificate in Banking u Diploma in General Management maħruġa mill-Università ta’ Maastricht. Fil-karriera professjonali tiegħu mexa 'l quddiem u rnexxielu jokkupa diversi karigi ta’ responsabbilità sakemm irtira mill-karriera bankarja tiegħu bħala Kap Eżekuttiv.
Matul dawn iż-żminijiet, barra l-irwol tiegħu fil-qasam bankarju huwa okkuppa wkoll diversi rwoli oħra fosthom:
- Bejn is-snin 1984 u 1987, huwa serva bħala Assistent Personali tal-Prim Ministru Dom Mintoff;
- Minn April 2009 sa April 2014, huwa
inħatar bħala Assistent Personali tal-President ta’ Malta, l-Eċċ. Tiegħu Dott. George Abela; - Fl-2014 okkupa l-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Dott. Michael Falzon, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
- Fl-2017 ġie fdat bir-responsabbilità ta’ Chief of Staff fil-Ministeru tal-Onor. Michael Falzon, Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, kariga li għadu jżomm sal-lum.
-
Dott. Dianne Galea
-

Dott. Ian Micallef studja fil-Kulleġġ San Alwiġi u wara kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa bħala Avukat fl-1995. Huwa involva ruħu fil-politika sa mill-ewwel elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fejn ġie elett bħala Kunsillier għal-lokalità tal-Gżira. Dam fil-kariga ta’ Kunsillier għal tnax-il sena, bi tlieta minnhom iservihom bħala Sindku. Huwa serva wkoll bħala President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għal għaxar snin.
Dott. Micallef inħatar membru tal-Kummissjoni Venezja għal sentejn bħala rappreżentant tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, li tiegħu kien President għall-perjodu ta’ sentejn. Huwa serva wkoll għal erba’ snin oħra bħala President tal-Kamra Lokali tal-Kungress. Mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea huwa serva wkoll bħala Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.
Huwa kien rapporteur tal-Kungress dwar l-Istat tad-Demokrazija Lokali f’numru ta’ stati Ewropej partikolarment Ġorġia, Ċipru u Svezja. Barra minn hekk huwa kien parti mid-delegazzjonijiet ta’ moniteraġġ tal-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa dwar elezzjonijiet lokali u reġjonali fl-Ewropa.
Illum huwa jipprattika bħala avukat u jmexxi s-sezzjoni legali ta’ kumpanija privata f’Malta filwaqt li huwa involut ukoll fil-futbol lokali.
Dott. Micallef kien appuntat Kummissjonarju Elettorali f’Awissu 2024, għalkemm ilu involut fl-Elezzjonijiet Ġenerali u f’elezzjonijiet oħra f’Malta sa mill-1992.
-

Is-Sa Maria aka Marion Portelli
Is-Sinjura Marion Portelli twieldet fl-1965 u hija mil-lokalità ta’ Santa Luċija. Bħalissa tokkupa l-kariga ta’ Bursar fi Skola Privata w Indipendenti. Preċedentement kellha l-karigi ta’ Senior Leader fir-Riżorsi Umani u Awditur Intern fi ħdan l-istess organizzazzjoni. Is-Sinjura Portelli għandha esperjenza vasta fil-Finanzi, fl-Immaniġjar tar-Riżorsi Umani u fil-Liġi li tirregola l-Impjiegi u s-Salarji. Ilha involuta fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet sa mill-1992 fejn kienet tokkupa karigi diversi marbuta mal-jiem tal-votazzjoni u fl-għadd tal-voti. Is-Sinjura Portelli nħatret Kummissjonarju Elettorali f’Awwissu tal-2021.
-

Is-Sur Salvu Sant twieled fl-1936 f’Raħal Ġdid. Hu miżżewweġ lil Joyce u għandhom żewġt itfal. Attenda l-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid u l-Iskola Sekondarja ta’ St Michael. Fl-1951 laħaq apprentist tal-elettriku fl-Admiralty Dockyard u baqa jistudja fid-Dockyard College f’Chatham, ir-Renju Unit. Fl-1956 waqqaf l-‘Paola Għaqda Żgħażagħ Laburisti ta’ Raħal Ġdid, li kien ukoll il-President tagħha. Ġie elett membru fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, u mbagħad Segretarju Ġenerali u, wara, President fl-1988. Bħala President tas-Sezzjoni tad-Dockyard fi ħdan il-General Workers Union (GWU), ippresieda l-laqgħat ġenerali annwali li ġabu diversi riformi. Fi ħdan l-istess union, is-Sur Sant għaqqad grupp ta’ ħaddiema mhux industrijali li, eventwalment, stabbilew ruħhom bħala l-STPSA. Is-Sur Sant kien President tas-Sezzjoni tad-Dockyard tal-GWU u ġie elett fl-ewwel kunsill fl-1975. Serva bħala Deputat President tad-Dockyard bejn l-1975 u l-1979. Bejn l-1972 u l-1987 serva bħala Deputat President tal-Korporazzjonijiet Telemalta u Enemalta. Ikkontesta b’suċċess l-elezzjoni ġenerali tal-1987 u reġa’ ġie elett fl-elezzjoni ġenerali tal-1992. Ifforma wkoll l-Assoċjazzjoni tal-Eks-Deputati Parlamentari li għadu sal-lum il-Viċi President tagħha. Bħala membru tal-Malta Racing Club u tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, is-Sur Sant kien il-mexxej ewlieni tal-proġetti tal-bini ta’ korsa ġdida u biex jitlesta l-istadium il-ġdid tal-futbol f’Ta’ Qali. Huwa beda wkoll it-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Isport ta’ Kordin, il-bini tal-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u l-grawnd tal-futbol, magħruf bħala l-Hibs Stadium. Is-Sur Sant inħatar Kummissjonarju Elettorali fl-2003.
-

Dott. Victor Scerri twieled fl-1965. Hu attenda l-iskola sekondarja tal-kulleġġ St Aloysius u fl-1994 beda jipprattika ta' avukat wara li gradwa mill-Universita' ta' Malta. It-teżi tad-dottorat tiegħu kienet fuq id-drittijiet tal-partiti politiċi skont il-liġi elettorali. ('Rights of Political Parties under the Electoral Law'). Dott. Scerri ilu involut fl-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet sa mill-1992. Fl-2004 ħa sehem fl- International Visitor Programme organizzat mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-kampanja presidenzjali ta’ dik is-sena. Hu nħatar Kummissjonarju Elettorali f’Awwissu tal-2015.
-

Is-Sur Angelito Sciberras inħatar bħala Kummissjonarju Elettorali f’Awwissu tal-2021, għalkemm kien ilu involut fi rwoli differenti waqt l-elezzjonijiet lokali sa mis-sena 2000.
Is-Sur Sciberas ħadem fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, ġurnaliżmu, marketing, sports u amministrazzjoni. Huwa għandu esperjenza vasta fil-ġestjoni tar-riżorsi umani, customer care u l-ġestjoni tal-avvenimenti, kif ukoll żviluppa u wassal programmi ta’ taħriġ għal studenti u impjegati fil-qasam tal-IT u fil-privatezza u l-protezzjoni tad-data.
Bħalissa huwa l-Kap ta’ 21 Academy u Direttur Maniġerjali ta’ Advisory 21 Ltd.
Huwa kiseb MBA mill-Università ta’ Suffolk, filwaqt li huwa wkoll koawtur tal-ktieb GDPR for HR Professionals li ġie ppubblikat f'Mejju 2018. -

Ir-rabta ta’ bejn is-Senglean Joseph Scicluna u l-Uffiċċju Elettorali tmur lura għas-sebgħinijiet meta, bħala lino-typist fl-Istamperija tal-Gvern, kien ittieħed biex iżewweġ l-esperjenza fl-istampar mal-obbligi li kellu l-Uffiċċju fil-pubblikazzjonijiet li joħroġ. Fost dawn insibu r-Reġistri tal-Votanti u numru kbir ta’ dokumenti uffiċjali relatati mal-elezzjonijiet ġenerali għall-Kamra tad-Deputati, l-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, l-elezzjonijiet każwali, ir-referenda, diversi elezzjonijiet għal Direttir-Ħaddiem f' diversi ażjendi, kunsilli tal-iskejjel, u dokumenti oħrajn li għandhom x’jaqsmu direttament mal-Uffiċċju. F’dawn il-kważi erbgħin sena, is-Sur Scicluna kien inkarigat mill-introduzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema tal-Karti tal-Identità; mill-manutenzjoni tar-Reġistri Elettorali, li jinkludu t-tmexxija tal-ispezzjonijiet barra mill-Uffiċċju; mill-introduzzjoni tat-tnaqqis fl-età tal-eliġibbiltà tal-vot fl-1974; mit-tħejjija loġistika tad-dokumentazzjoni tal-poloz tal-vot u tal-postijiet tal-votazzjoni, u mil-laqgħat ta’ tagħrif u struzzjonijiet għall-Uffiċjali Elettorali, l-Assistenti Kummissjonarji Elettorali, liċ-Chairpersons u Polling Place Officers tal-Postijiet tal-Votazzjoni, l-Uffiċjali tal-Pulizija, u l-impjegati tas-Servizzi Postali, f’xogħol relatat mal-proċess elettorali. Ħidma oħra li wettaq matul is-snin tinkludi r-rapprenżentazzjoni tal-Uffiċċju Elettorali fil-Qrati, f’okkażjonijiet bħal appelli fuq l-eliġibbiltà tal-votanti jew f’kawżi simili; l-involviment tiegħu fit-tibdil tal-konfini tad-distretti elettorali; ir-rappreżentazzjoni fil-kumitati tat-tismija tat-toroq u tan-numri tal-bibien tad-djar għal żewġ deċenji; l-assenjazzjoni tiegħu ma’ Kummissjonarji Elettorali Prinċipali qabel u waqt il-jiem tal-votazzjoni; u l-ħidma fil-kmamar tal-votazzjoni u fis-sala tal-għadd tal-voti, fejn beda bħala Counter, imbagħad Supervisor u fl-aħħar bħala Calculator. Wara li rtira mis-servizz, is-Sur Scicluna inħatar Kummissjonarju Elettorali fl-2012.
-
Is-Sa Josianne Sultana