Dwarna

Il-Kummissjoni Elettorali hi maħtura skont l-artiklu 60 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-membri tagħha huma appuntati mill-President fuq il-parir tal-Prim Ministru, wara li jkun ikkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Kummissjoni hija awtonoma u fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, mogħtija lilha mill-Kostituzzjoni, mhix suġġetta għal direzzjoni jew kontroll minn xi persuna jew awtorità oħra.
 

Il-Kummissjoni hi responsabbli mill-ġbir, iż-żamma u l-pubblikazzjoni tar-reġistri elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali, lokali u tal-Parlament Ewropew. Ir-reġistri jiġu ppubblikati kull sitt xhur, f’April u f’Ottubru, u jkunu korretti sal-31 ta’ Marzu u t-30 ta’ Settembru rispettivament.

Il-Kummissjoni hi responsabbli wkoll mill-Uffiċċju Elettorali. L-Uffiċċju jipprovdi l-makkinarju amministrattiv u r-riżorsi li teħtieġ il-Kummissjoni biex tilħaq l-obbligi tagħha bil-liġi, li jinkludu r-reġistrazzjoni, it-trasferiment u t-tneħħija ta’ votanti, u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet. Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali hu l-Kummissarju Elettorali Prinċipali, li hu wkoll il-President tal-Kummissjoni.