Reviżjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali April 2016

Tags: Electoral Register

AVVIŻ GĦALL-ISTAMPA

 

REVIŻJONI TAR-REĠISTRU ELETTORALI GĦALL-ELEZZJONI ĠENERALI

 

Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jgħarraf illi d-data tal-għeluq għar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali, rivedut, li jmissu jkun ippubblikat f’April hija l-31 ta’ Marzu, 2016.

 

Il-persuni kollha ta’ nazzjonalita’ Maltija li għandhom 18-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’Ottubru 2015, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji.  Formoli tal-applikazzjoni jinkisbu mill-Għases tal-Pulizija, mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali, mill-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identita’ u mill-Uffiċċju Elettorali.  Dawn il-formoli jistgħu jitniżżlu wkoll mill-website - www.electoral.gov.mt

 

Huwa fl-interess tal-votanti reġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ Ottubru 2015 huma korretti. Għandhom ukoll jaraw li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identita’ tagħhom jidhru sewwa fl-imsemmi Reġistru.  Il-votanti reġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b’kull tibdil/korrezzjoni li jkunu meħtieġa.

 

Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identita’ elettronika fl-Uffiċċju tal-e-ID Cards, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda. Dan l-Uffiċċju jkun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.30 a.m. sas- 2.00 pm., l-Erbgħa, mit-3.00 p.m. sas-6.00 p.m., u s-Sibt, mis-7.30 a.m. sal-11.00 a.m.

 

L-istess faċilitajiet jingħataw fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ fi 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

 

L-applikazzjonijiet kollha jistgħu jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali li qiegħed f’Evans Building, Triq il-Merkanti, l-Belt Valletta, fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, JEW jingħataw lil xi Uffiċjal tal-Pulizija f’xi waħda mill-Għases tal-Pulizija f’Malta u f’Għawdex JEW jintbagħtu lill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali bil-posta, BIEX JASLU MHUX AKTAR TARD MILL-31 TA’ MARZU, 2016.

 

 

 

 

23 ta’ Frar, 2016